Saturday, April 27, 2024

Il-każ ta’ €36.8 miljun f’VAT mhux imħallsa minn Steward Healthcare

….il-każ ikompli quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva

Aqra wkoll

Il-kumpanija Steward Healthcare, tilfet battalja oħra fil-Qorti u dan hekk kif il-Qorti tal-Appell ordnat li l-kawża dwar VAT mhux imħallsa minn Steward Healthcare għandha tkompli tinstema’ mit-Tribual ta’ Reviżjoni Amministrattiva. 

Kien fit-8 ta’ Novembru tas-sena 2021, li l-Kummissarju tat-Taxxi bagħat ittra lil Steward u qalilha li hija għandha kont pendenti miegħu fl-ammont ta’ €36.8 miljun. F’din l-ittra l- Kummissarju tat-Taxxi għamililha ċara li Steward kellha żmien ta’ 30 jum biex tħallas dan il-kont u li dan l-avviż kien qiegħed isirilha skont l-artikolu 59 tal-Kap 406 tal-Liġijiet ta’ Malta.

Skont il-kont li hemm mehmuż ma’ din l-ittra, il-bilanċ dovut minn Steward kien ikopri ż-żmien ta’ bejn l-1 ta’ Mejju tas-sena 2016 u l-1 ta’ Ġunju tas-sena 2021. Il-bilanċ fil-kont ġie maqsum hekk: €32.9 miljun bħala taxxa fuq il-valur miżjud li ma tħallsitx, €3.4 miljun bħala mgħax fuq l-arretrati tat-taxxa u €384,482 bħala penali amministrattiva għax it-taxxa ma tħallsitx fil-ħin.

Steward Healthcare kienet fetħet proċeduri fil-Qorti u talbet li ‘tirrevoka u tannulla l-Avviż datat 8 ta’ Novembru tas-sena 2021 maħruġ mill-Kummissarju kontra tagħha u li jiġi dikjarat li l-Avviż ma jikkostitwix titolu eżekuttiv favur il-Kummissarju tat-Taxxi.” 

Steward kienet appellat għar-revoka tal-ordni tal-Kummissarju biex tħallas din il-miżata fi żmien xahar u spjegat fil-Qorti li meta ħadet f’idejha il-konċessjoni minn Vitals Global Healthcare (VGH), sabet bosta “anomaliji serji fid-dokumentazzjoni” fejn tirrigwardja l-VAT. Din l-anomalija kienet li Vitals kienet qed tiddikjara taxxa anqas milli fil-fatt kien hemm “sabiex jinħolqu krediti fittizji ta’ VAT favur il-kumpanija”.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha ma qablitx mal-argumenti li ġabet Steward u ddikjarat li l-Kummissarju ma kienx qed jaġixxi b’malizzja meta pprova jikseb lura l-flus li kellhom jitħallsu għall-Istat. Il-mistoqsija kienet jekk Steward verament setgħetx tħallas dawn l-arretrati fil-ħin stipulat.

Steward kienet appellat id-deċiżjoni sabiex it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva jisma’ din il-kawża minflok il-Qorti Ċivili iżda l-Qorti ilmentat li dan kien biss attentat biex Steward tikseb aktar ħin.

Il-Kummissarju tat-Taxxi kien argumenta li kawża bħal din m’għandhiex tinstema’ mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili iżda mit-Tribunal. Steward naqset milli tiftaħ proċedura ta’ referenza quddiem it-tali Tribunal u minflok, fetħet kawża quddiem il-Qorti Ċivili. Il-Kummissarju tenna li kawżi bħal dawn iridu jinstemgħu mit-Tribunal.

Il-Qorti Ċivili ilmentat li nħela ħafna żmien minn Steward sabiex tinqata’ din il-kawża u ordnat li l-kawża tkompli tinstema’ quddiem it-Tribunal.

Steward Healthcare  kienet daħlet għat-tmexxija tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar San Luqa u l-Isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karin Grech mingħand Vitals Global Healthcare, li kienet imġiegħla tbigħ l-operat tagħhom kważi sentejn  biss wara li bdiet minħabba dejn finanzjarju dejjem jikber. 

Sport