Tuesday, March 17, 2026

Il-każ tal-Arctic Metagaz….’bżonn ta’ soluzzjoni permanenti’….mijiet ta’ tonnellati ta’ ‘heavy fuel oil’ fuqu

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela lbieraħ tkellem dwar il-każ tal-bastiment Russu Arctic Metagaz li kien attakkat u li issa jinsab għal riħu fil-Mediterran. Enfasizza l-bżonn ta’ soluzzjoni permanenti, bħalissa t-tanker qed jimxi mal-kurrent, b’għadd ta’ pajjiżi differenti li jistgħu jiġu milqutin mill-impatt tiegħu. Abbord it-tanker hemm provvista ta’ gass naturali u hemm kwantità ta’ mijiet ta’ tunnellati ta’ heavy fuel oil.  Fi Brussell, waqt li lbieraħ iltaqa’ l-Kunsill tal-Affarijiet Barranin, id-Deputat Prim Ministru Ian Borg ressaq din il-kwistjoni quddiem il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea.

 Il-Prim Ministru iddikjara li “aħna preparati għal kwalunkwe kontinġenza. Fuq livell lokali aħna preparati għal kwalunkwe kontinġenza, jiġifieri fuq livell ta’ CPD, fuq livell ta’ armata, qegħdin nosservaw dak li qiegħed jiġri. Il-ġimgħa li għaddiet iltqajna f’diversi drabi biex nippreparaw għal kull eventwalità, li tkun meħtieġa.”

Spjega wkoll kif hemm inizjattiva bħala Med-9, fejn qed issir ħidma kollettiva. Dan filwaqt li jinsab ukoll f’komunikat fosthom mal-Prim Ministru Taljana, Giorgia Meloni. Qal li bħala pajjiż qed nassiguraw li nkunu mħejjija, il-Prim Ministru informa wkoll lill-President tal-Kunsill Ewropew Antonio Costa u l-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen.

Enfasizza kif waqt li se jibqa’ jsir moniteraġġ tas-sitwazzjoni, il-bastiment jinsab fiż-Żona tat-Tiftix u Salvataġġ, bħalissa, lil hinn sew mill-ibħra territorjali ta’ pajjiżna.

Semma’ l-bżonn ta’ soluzzjoni permanenti, bħalissa t-tanker qed jimxi skont il-kurrent, b’għadd ta’ pajjiżi differenti li jistgħu jiġu mpattati.

“Fl-istess waqt il-bastiment għadu għaddej, għandu provvista ta’ gass naturali u hemm kwantità ta’ mijiet ta’ tunnellati ta’ heavy fuel oil fuqu wkoll, allura għalija mhux tenibbli li nibqgħu naraw dan il-bastiment floating disabled, drifting imma anke fuq livell Ewropew kien li nsibu soluzzjoni dejjiema.”

Dr Abela, qal li filwaqt li sar tentattiv ta’ komunikazzjoni mas-sidien, fis-sigħat jew il-ġranet li ġejjin trid tinstab soluzzjoni dejjiema. Dan filwaqt li l-Gvern għandu pjan ta’ kontinġenza, iżda li għadu ma ġiex attwat.

“Il-pjan ta’ kontinġenza, għadu ma ġiex attwat u nittama li ma jiġix attwat. Aħna għandna kollox in place biex jekk ikun hemm dik il-ħtieġa nattwawh. Qed insegwu bir-reqqa ħafna l-kundizzjonijiet tat-temp, żgurajna li jkun hemm l-assets kollha meħtieġa biex jekk ikun hemm bżonn inkunu nistgħu niskattawh dak il-pjan.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport