Sunday, November 10, 2024

Il-każ tal-pulizija sospiżi … filmat juri t-tielet vittma jiġi mhedded b’arma

Aqra wkoll

Tressaq il-Qorti Kuntistabbli tal-Pulizija ieħor b’rabta ma’ allegazzjonijiet li naqas gravament fil-qadi ta’ dmirijetu, fosthom bl-użu ta’ vjolenza mhux meħtieġa fil-konfront ta’ persuni barranin. 

Luca Brincat ta’ 20 sena minn Ħal Qormi, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu fosthom il-ħtif ta’ persuna, attentat ta’ ferita gravi u li żamm persuna kontra l-volontà tagħha. 

Huwa kien mixli wkoll li bħala uffiċjal pubbliku wettaq reat li kellu jara li ma jseħħx, ikkawża biża’ li se tintuża vjolenza fuq persuni barranin u li kellu fuqu arma jew munizzjon ipprojbit.

L-Ispettur Joseph Mercieca spjega li nhar il-Ġimgħa li għadda, sar ilment fil-konfront ta’ tliet membri tal-Korp fejn kien allegat li kif kienu joħorġu patrol, kienu jsibu persuna barranija, jiħduha f’post imwarrab f’Ħal Qormi u allegatament isawtuha u jħalluha hemmhekk. Intqal li kienu kollegi sħabhom stess li rrapportaw l-allegat abbuż lis-superjuri tagħhom.

Brincat tressaq il-Qorti t-Tnejn waranofsinhar wara li ġie rilaxxat mill-Isptar Mater Dei. Huwa kien iddaħħal l-Isptar għax waqt l-arrest tiegħu kien ilmenta minn uġigħ f’sidru. 

Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest ta’ Brincat, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba biża’ ta’ intralċ ta’ provi u l-fatt li wieħed mill-allegati vittma għadu ma xehed fl-inkjesta.

Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li apparti ż-żewġ vittmi, hemm vittma oħra li sa issa għadha mhix identifikata li tidher fuq filmat fejn l-imputat allegatament jidher jagħmel ċertu mossi anke b’arma fuq il-vittma.

Id-Difiża rribattiet billi qalet: “allaħares inżommu nies arrestati fuq nies li għadhom ma ġewx identifikati.” 

Wara li semgħet is-sottimissjonijiet taż-żewġ partijiet, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Monica Vella ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li l-imputat Brincat jinżamm taħt arrest preventiv.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Joseph Mercieca u Omar Zammit megħjuna mill-Avukati Anthony Vella u Kaylie Bonnett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb dehru għall-imputat.

Dwar dan il-każ tressqu wkoll l-uffiċjali Rica Mifsud Grech ta’ 22 sena mill-Floriana u Jurgen Falzon ta’ 24 sena minn Santa Venera, u nżammu taħt arrest preventiv. It-tliet uffiċjali jinsabu sospiżi mill-Korp tal-Pulizija.

Sport