Il-każ ta’ Okamura Satoshi, Ġappuniż ta’ 31 sena, li kien ġie kkundannat sentejn ħabs wara li ammetta li qatel diversi qtates f’Tas-Sliema, se jerġa’ jinstema’ mill-ġdid.
Kien f’Ottubru ta’ din is-sena meta l-Maġistrat Nadine Sant Lia, apparti l-piena ta’ ħabs, kienet immultat lill-Ġappuniż €15,000, ħarġitlu ordni ta’ trattament għal tliet snin u ġie pprojbit mill-Qorti milli jżomm annimali għal 40 sena.
Permezz tal-avukati tiegħu, Adreana Zammit u Marion Camilleri l-ħati appella mis-sentenza fejn fl-appell intqal li l-Ewwel Qorti naqset milli tikkunsidra t-talba li jiġi eżaminat minn psikologu qabel tingħata s-sentenza u li meta wieħed iqis iċ-ċirkostanzi, il-piena imposta hija eċċessiva u sproporzjonata.
Matul il-proċess tal-kawża, Satoshi kien ġie kkwotat jgħid lill-uffiċjal tal-probation li l-qtates huma “gold diggers”. Filwaqt li l-Prosekuzzjoni kienet qiegħda titlob ħabs effettiv, id-difiża kienet qiegħda titlob li l-imputat biex jirriforma ruħu m’għadux jintbagħat il-ħabs iżda jeħtieġ l-għajnuna biex jindirizza l-qagħda mentali tiegħu.
Il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, osservat li meta nstab ħati li darab ħafif lil żewġ pulizija, l-Ewwel Qorti, ma għamlitx referenza speċifika għall-artiklu mil-liġi li joħloq dan ir-reat. Għaldaqstant, il-Qorti, qalet li dan in-nuqqas iwassal għan-nullità tas-sentenza għax iwassal għal nuqqas ta’ formalità sostanzjali.
Għalhekk, il-Qorti tal-Appell irrevokat s-sentenza appellata u ordnat li l-każ jerġa’ jmur quddiem l-Ewwel Qorti u tingħata sentenza mill-ġdid.

