Bħal dan iż-żmien sittin sena ilu kien seħħ każ li ħoloq sensazzjoni. Kien dwar l-għibien ħabta u sabta ta’ tifla ta’ 15-il sena u żagħżugħ ta’ 19-il sena. Kienu sparixxew fil-Jum tal-Ġimgħa. Kien hemm spekulazzjonijiet dwar jekk telqux minn Malta ma’ xi bastimenti tal-emigranti peress li ġieli kien hemm każi ta’ Maltin li ħarbu abbord dawn il-bastimenti.
Kien proprju sitt ijiem wara, eżattament fil-jum tal-Erbgħa metą iż-żgħażagħ instabu. Kien nstabu fit-trip tar-Rabat, għalkemm jidder li kienu spiċċaw jgħixu f’Wied is-Sewda. Il-każ kien spiċċa quddiem il-Qorti biż-żagħżugħ ikun akkużati li kkorrompiha.
Rapport fil-ġurnal L-ORIZZONT kien jgħid li “l-Pulizija kerm il-darba kellhom ifittxu nies mitlufin, iżda ftit kellhom każi ta’ taħbil il-moħħ bħal ma għandhom issa quddiemhom fejn tfajla ta’ 15-il sena u ġuvni ta’ 19-il sena ħarbu minn djarhom u ħadd ma jaf fejn huma. Iż-żgħażagħ ilhom neqsin minn djarhom minn nhar il-Ġimgħa li għaddiet.
Iż-żgħażagħ maħrubin minn djarhom huma Marie Therese Galea minn Birkirkara u Rużar Abela minn Ħaż-Żebbuġ. Iż-żewġ żgħażagħ ilhom jinnamraw flimkien mill-Karnival ‘lhawn. Hi taħdem bħala seftura f’tas-Sliema waqt li Rużar ma jaħdimx. Nhar il-Ġimgħa li għaddiet, Rużar ħareġ mid-dar tal-familja tiegħu f’Ħaż-Żebbuġ wara li kien għamel ġurnata ibajjad fid-dar ta’ żitu li toqgħod viċin.
Hu kien liebes qmis bajda u qalziet ċelesti u f’idu kien qed iġorr radio transistor żgħir. Hu ħareġ mid-dar għall-ħabta tas-6.00 ta’ filgħaxija u ma reġax lura bħas-soltu għal xi 8.30 ta’ filgħaxija.”
Ir-rapport kompla jgħid li “fl-istess ġurnata Marie Therese jew kif isibha kulħadd Marthese, ħarġet mid-dar b’libsa ċelesti u jersey roża u l-istess ma reġgħet lura lejn id-dar ta’ missierha Ninu filgħaxija. Għal ħabta ta’ 7.30 ta’ filgħaxija missier Martherse li hu armel beda jitħasseb fut bintu u rrapport lill-Pulizija.
Ftit ħin wara għall-ħabta tad-9.00 ta’ filgħaxija missier u omm Rużar macru jirrapportaw imħassbin lill-Pulizija li binom ma kienx għadu mar lura d-dar. Ommu bdiet tibża’ li minħabba li hawn ħafna baħrin Amerikani f’Malta, kellu xi jgħid ma’ xi ħadd minnhom”.
Intqal li “fil-ħajja privata tagħhom iż-żewġ żgħażagħ forsi kienu sfortunati. Marthese mititilha ommha meta hi kien għad kellha sentejn u minħabba li missierha ikun ix-xogġħol ma kellha lil ħadd ma’ min tiftaħ qalbha, ħlief oħtha iż-żgħira Eileen ta’ 13-il sena.
Minn naħa l-oħra Rużar għal kemm ta’ età tenera hu għalaq 19-il sena fil-Milied li għadda, kellu inkwiet mal-Pulizija wara li kkommetta reat. Sakemm dawn iż-żewġ żgħażagħ jiġu misjubin mill-Pulizija il-familja tagħhom missier u oħt Marthese, missier, omm u 4 aħwa ta’ Rużar jibqgħu inkwetati ma jafux x’ġara minn uliedhom. Ma’ hux maħsub li ż-żewġ żgħażagħ irnexxielhom isiefru minn Malta billi f’dawn l-aħħar erbat ijiem ma kienx hemm vapuri ta’ l-emigranti”.
Rapport li imbagħad ġie pubblikat fl-1 ta’ April, kien jgħid li “t-tfajla ta’ 15-il sena, Marie Therese Galea u ż-żagħżugħ Rużar Abela minn Ħaż-Żebbuġ instabu minn patrol tal-Pulizija fit-triq tar-Rabat, ftit bogħod mill-Isptar Monte Carmeli.
Sar magħruf li ż-żewġ żgħażagħ kienu qegħdin joqogħdu f’Wied is-Sewda lejn in-naħa ta’ Ħaż-Żebbuġ. Iżda huma ma kinux iqattgħu l-ġurnata kollha hemm. Infatti darba minnhom niżlu l-Ħamrun u Rużar beigħ par imsielet u ġiżirana.”
L-għada 2 ta’ April, rapport ieħor kien jgħid: “Iż-żagħżugħ maħrub akkużat li kkorrompa lit-tfajla”. Ir-rapport kien qal li “l-istorja taż-żagħżugġ u tt-tfajla maħrubin ma spiċċatx fl-aħħar sigħat meta dawn instabu mill-Pulizija. Iż-żagħżugħ Rużar Abela ta’ 19-il sena tressaq arrestat quddiem il-Qorti u ġie akkużat li kkorrompa lit-tfajla ta’ 15-il sena. Hu kien wieġeb li mhux ħati. Il-Pulizija kienet opponiet li Abela jingħata il-libertà proviżorja u ttieħed il-ħabs ta’ Kordin. Abela ma kellux avukat”.