Sunday, November 23, 2025

Il-każ Vitals ikrolla kompletament … Wara l-persekuzzjoni m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni

L-Ewroparlamentari Daniel Attard

Aqra wkoll

Ma nistax ma nikkummentax fuq l-aħħar żviluppi mill-Qorti.

Jiena personalment qatt ma kelli dubju u dejjem kont ċar u skjett. Imma issa huwa ċar għal kulħadd – mhux biss għan-nies ta’ fehma Laburista, imma għal kull min hu ta’ rieda tajba – u nżid, għal kull min m’għandux mibegħda lejn il-Laburisti – li fuq il-każ kontra Joseph Muscat – illum m’għadhiex kwistjoni ta’ jekk… imma ta’ meta li Muscat u dawk akkużati intortament joħorġu lliberati.

U l-Qorti, wara dak kollu li rajna, għandha tara li wara l-persekuzzjoni politika li waslitna s’hawn… issa ma jkunx hemm ukoll diskriminazzjoni.

U kif dejjem nagħmel, se ngħidha kif inhi. Bla tlaqliq. Il-każ tal-Inkjesta Vitals ikkrolla kompletament. 

L-espert ewlieni li fuqu nbniet din il-prosekuzzjoni – Harbinson – iddikjara bil-ġurament – bl-iswed fuq l-abjad – fi kliemu stess ir-rapport tiegħu qatt ma kellu jintuża biex jitressqu nies il-Qorti.

U issa… jibqa’ jirrifjuta li jixhed fuq xogħlu u jwieġeb għad-domandi tad-difiża kif inhu d-dritt sagrosant tagħhom li jistaqsu. 

U mingħajr xhud, mingħajr smigħ xieraq, ma hemmx każ. Sempliċi ħafna. 

Għalhekk irridu nkunu onesti mal-poplu: dan il-proċess inbena fuq pedament falz. Pedament li issa kkrolla kompletament.

U mhux Harbinson biss. Rajna wkoll esperti bla warrant. 

Rajna l-Maġistrat tibbaża l-konklużjonijiet tagħha fuq rapport li l-awtur tiegħu jgħid li ma jiswa xejn għall-prosekuzzjoni. 

Rajna min ried jikkundanna qabel ma jisma’.

U rajna wkoll leaks, tixrid ta’ informazzjoni, u nies li għalihom nagħmlu inkwiżizzjoni… mhux ġudizzju. 

Dan kollu wassal biex uħud jiċċappsu intortament. Nies li llum għandhom kontijiet bankarji ffriżati, xogħol mitluf, reputazzjoni mkissra… fuq każ li llum, kif ngħidu bl-Ingliż, hu dead in the water.

Il-ġustizzja mhix logħba. Mhix għodda għall-persekuzzjoni. U jekk l-Istat nefaq mill-inqas, 11-il miljun, jekk mhux id-doppju, fuq rapport li fl-aħħar mill-aħħar ma jiswiex ċenteżmu fil-Qorti… għandna dritt, bħala poplu, nistaqsu:

Għalfejn il-Maġistrat Inkwerenti bbażat il-konklużjonijiet tagħha fuq rapport li fi kliem l-espert li kitbu, ma kellux jintuża għal dak l-iskop?

Għalfejn il-Maġistrat Inkwerenti rrifjutat li tisma’ lil min kienet qed tinvestiga qabel ma waslet għall-konklużjonijiet tagħha?

Kien hemm terzi minn barra l-Maġistrat Inkwerenti li ppruvaw jikkomunikaw u jinfluwenzaw lill-esperti?

Fuq liema bażi intgħażlu l-esperti, u għalfejn ma vverifikawx il-kwalifiċi tagħhom?

Min se jagħmel tajjeb għal rapport li swiena 11-il miljun ewro, u li mingħajr ix-xhieda tal-awtur, fil-Qorti ma jiswa xejn?

Dawn huma mistoqsijiet leġittimi li għalihom il-poplu jrid u jixraqlu risposta. Mhux biss risposta, imma responsabbiltà. 

Kif ilni ngħid għal xhur twal, il-ġustizzja m’għandha qatt tkun għodda għall-persekuzzjoni politika. Jekk kien hemm abbuż, għandu jwieġeb kemm min abbuża mill-proċess ġudizzjarju, u kif ukoll min kien responsabbli minn dak il-proċess. 

Meta wieħed iqis ir-riperkussjonijiet serji li ġab miegħu dan il-każ, din mhijiex biss kwistjoni ta’ ġustizzja, imma kwistjoni ta’ integrità istituzzjonali.

L-użu ta’ rapport li l-awtur tiegħu stess mhux se jixhed dwaru ma tkissirx biss il-pedamenti tal-każ, imma tqajjem mistoqsijiet serji dwar kif ġiet amministrata din l-inkjesta u l-konklużjonijiet li ħarġu minnha. Mistoqsijiet li rridu risposti għalihom. 

Mill-bqija, kif bdejt dan il-messaġġ irrid nikkonkldudi: 

Mhijiex kwistjoni ta’ jekk… imma ta’ meta li Muscat u dawk akkużati intortament joħorġu lliberati. U min hu responsabbli jrid jara li ma jkollniex diskriminazzjoni sempliċiment għax l-akkużati huma min huma. 

Il-ġustizzja ma tistax tkun selettiva, u lanqas m’għandha tintuża bħala arma politika. Kif għidt mill-bidu ta’ dan il-każ, nibqa’ ngħid sal-aħħar: ġustizzja iva, persekuzzjoni le.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport