Il-każi attivi f’Malta qabżu l-elfejn każ wara li fl-24 siegħa li għaddew kienu reġistrati 153 każ ġdid ta’ Covid-19, b’89 persuna jirkupraw mill-virus. Dan wassal biex in-numru tal-każi attivi issa tela’ għal 2,041.
Filwaqt li l-każi tal-lum għadhom qed jiġu investigati, mill-każi tal-bieraħ jirriżulta li kien hemm 15-il każ ta’ persuni li ġew f’kuntatt ma’ qraba tagħhom li kienu pożittivi għall-Covid-19, żewġ każi ta’ trasmissjoni fuq il-post tax-xogħol, sitt każi ta’ persuni li ġew f’kuntatt dirett ma’ persuni diġà infettati bil-Covid-19, żewġ każi minn attivitajiet soċjali, u erba’ każi li kienu importati.