Skont l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) l-ammont globali ta’ każijiet ġodda ta’ Covid naqas b’19% f’ġimgħa filwaqt li n-numru tal-imwiet baqa’ wieħed stabbli.
Ftit aktar minn 16-il miljun każ ġdid tal-coronavirus u 75,000 mewt ġew irrappurtati madwar id-dinja bejn is-7 u t-13 ta’ Frar, qalet l-aġenzija tas-saħħa tan-NU.
Fix-Xlokk tal-Asja ġew irrappurtati 37% inqas każijiet, li fisser li huwa l-akbar tnaqqis reġistrat fid-dinja.
In-numru ta’ mwiet uffiċjali tal-Covid-19 tal-Gran Brittanja żdied b’199 għal 160,038 nhar l-Erbgħa, filwaqt li kien hemm 54,218 każ ġdid ta’ Covid irreġistrat lbieraħ. Minkejja li xorta qed ikun hemm imwet u każjiet ġodda, dawn iċ-ċifri huma inqas mill-276 mewt u 68,214 każ tal-Erbgħa ta’ qabel.
Ir-rata ta’ infezzjoni fil-Ġermanja naqset ukoll, u wassal għal pjanijiet biex jitneħħew il-parti l-kbira tar-restrizzjonijiet sal-20 ta’ Marzu. L-Awstrija u l-Isvizzera ħabbru pjanijiet simili, bl-Iżvizzera ilbieraħ tirrilaxxa r-regoli.
Il-kap tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa fl-Afrika wera pożittività simili, u qal li l-kontinent qed joħroġ mill-pandemija. Qal li jemmen li l-pandemija qed timxi lejn fażi differenti u jaħsbu li, speċjalment bit-tilqim mistenni li jiżdied, nimxu lejn il-fażi endemika tal-virus.
Anke d-Direttur Ġenerali tad-WHO Dr Tedros Adhanom Ghebreyesus qal li d-dinja tista’ tkun barra mill-fażi akuta tal-pandemija din is-sena, iżda saħaq li dan kien biss jekk 70% tad-dinja titlaqqam.
“Nistennew li l-fażi akuta ta’ din il-pandemija tintemm din is-sena, ovvjament b’kundizzjoni waħda, li tintlaħaq il-mira li 70% tad-dinja titlaqqam sa nofs din is-sena madwar Ġunju – Lulju,” qal Dr Tedros Adhanom Ghebreyesus.