Friday, November 22, 2024

“Il-kċina hi xi ħaġa verament sabiħa li tagħtik ħafna sodisfazzjon speċjalment jekk bħali toħodha bis-serjeta”

– Robert Cassar

Aqra wkoll

Ftit tal-jiem ilu saret is-serata Good Guide Co Restaurants 2022 fejn diversi ristoranti f’Malta u anke f’Għawdex ġew innominati sabiex jirbħu dan l-unur.

Bosta ristoranti Maltin irċevew rikonoxximent għall-ħiliet kulinarji tagħhom f’serata li laqqgħet taħt saqaf fost l-aqwa kokijiet u sidien ta’ ristoranti Maltin u Għawdxin. Waqt li 40 ristorant ngħataw rikonixximent permezz ta’ platt kommemorattiv diversi ristoranti oħra rċivew premjijiet, fost l-oħrajn għall-aqwa atmosfera, il-prezzijet, l-għażla ta’ nbid kif ukoll l-ikel veġetarjan.

Għall-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, l-MTA, serata bħal din tikkonferma n-niċċa tal-gastronomija li kibret ferm bl-appoġġ ukoll tal-istess awtorità.

Sadanittant kien Root 81 li rebaħ dan l-unur. Dan ir-ristorant jinsab fis-Saqqajja u ilu miftuħ ħames snin. Kien l-4 ta’ Novembru 2017 li Root 81 fetaħ il-bibien tiegħu.

Dan ir-ristorant hu mmexxi minn Robert Cassar, bniedem li għandu għal qalbu ferm il-kċina u tmexxija ta’ stabbiliment tal-ikel.

Talk.mt tkellem ma’ Robert Cassar innifsu li esprima magħna s-sodisfazzjon li rebaħ dan l-unur filwaqt li spjegalna aktar fid-dettall kemm il-passjoni għall-kċina hi waħda kbira.

Cassar għandu 35 sena u ammetta hu stess li ma tantx kien mixħut għall-iskola.
“Kelli 16-il sena meta ħriġt mill-iskola u kont naħdem f’xi fabbriki. Madankollu kien jogħġobni ħafna x-xogħol tal-kċina u tħajjart nitlaq il-fabbrika sabiex immur nagħmel kors fl-Institute of Tourism Studies (ITS). Għamilt ħames snin nistudja hemm u nista’ ngħid li kont veru għal qalbi. Kont wisq eċitat meta kelli l-ewwel esperjenzi tiegħi bħala apprendist u fejn anke kelli ċ-ċans insiefer barra minn Malta sabiex nitgħallem aktar!”

Cassar qalilna li l-ITS kienu bagħtuh fir-ristorant The Vineyard fl-Ingilterra u kien verament għal qalbu minħabba li tgħallem ħafna u beda japplika xi metodi sal-lum il-ġurnata.

“L-ikbar investiment mill-Covid-19 lil hawn huwa l-istaff tiegħi. Nirringrazzja lill-ITS. Jiena student tal-ITS. Qed jipproduċi nies tajbin, mhux kwantità imma l-kwalità hemm qiegħda. Min jaħdem miegħi kollha kienu l-ITS.”

Fl-aħħar sena tal-ITS reġa’ ġie lura Malta fejn hemmhekk kompla jipperfezzjona u kien lest biex jiggradwa. Hu sab is-sapport kollu meħtieġ mit-tfajla tiegħu Joanne li aktar tard saret martu.

“L-ITS għalija hi l-universita’ ta’ ħajti. Infaħħarha ħafna għax tgħallimt ħafna hemmhekk u ma nixbax nirrepeti kemm kont għal qalbi hemmhekk.”

“Kif nafu mhux kulħadd jasal biex imur Junior College, MCAST jew l-Universita’ ta’ Malta. Għalhekk hawn l-opportunitajiet u kulħadd jaqbad it-triq tiegħu. Jien qbadt it-triq tiegħi fil-kċina.”

Iżda x’sodisfazzjon jieħu mill-catering? Hu jgħidilna li sema’ ħafna nies iħassrulu milli jaqbad din it-triq. Min jgħidlu għax il-forn jew il-kuker iġib ħafna sħana fil-kamra fejn issajjar, min għax qallu li wieħed jiddependi mill-klijenti u ħafna aktar. 

Minkejja kollox, hu kien determinat sabiex jirnexxi u dan għamlu b’ħafna xogħol. Hu jgħidilna li l-kċina ttih ħafna sodisfazzjon speċjalment meta jara lin-nies jieħdu pjaċir bl-ikel li jipprovdilhom. Fl-istess waqt hu jkun sodisfatt li jkun parti mill-avveniment jew festin li jorganizzaw u kburi li kollox mexa kif suppost u li jkollu suċċess f’dak li jagħmel.

Minkejja li ħaddieħor ikun qed jiddeverti u hu jkun qed jaħdem, għalih hu gost u pjaċir li jservi lin-nies għax iqis il-kċina bħala parti importanti minn ħajtu.
Iżda Robert Cassar kif jara x-xena tal-catering f’Malta?

“Illum il-ġurnata l-lukandi u r-ristoranti Maltin u Għawdxin tjiebu konsiderevolment u l-livell għola mhux ħażin. Ix-xena kulinarja f’Malta saret ferm importanti anke bil-ftuħ ta’ diversi ristoranti li joffru kċina differenti. Fuq kollox, il-poplu Malti verament jaf jiekol u dejjem ifittex ristorant tajjeb. Għalhekk importanti li l-istabbilment jaqdi l-ħtiġijiet tal-klijenti tiegħu.”

Tkellimt ma’ Cassar dwar il-wejters u l-ħaddiema barranin li qisu qed jaħdmu iktar f’dan is-settur. Iżda għadek issib ħaddiema Maltin?

“Jien nemmen li kemm jekk ikunu Maltin kif ukoll barranin, importanti t-taħriġ. Jekk bniedem ma tħarrġux, mhux se jtik l-aħjar tiegħu. Għalhekk jien ninvesti ħafna fit-taħriġ sabiex il-ħaddiema tiegħi jkunu preparati.”

Robert Cassar jgħidilna li ma kienx qed jistenna li jirbaħ dan l-unur fis-serata li saret fil-5 ta’ Diċembru li għadda.

“Ma kontx qed nistenna li nkun ir-rebbieħ ta’ dan l-unur iżda meta dan kollu jseħħ, tħossok umli li dak li tagħmel qed tagħmlu b’mod sinċier u onest u qatt kburi li taħseb li lħaqt xi ħaġa.”

“Ir-ristoranti f’dawn l-aħħar xhur kellhom sfidi xejn pjaċevoli fosthom il-pandemija tal-COVID-19, forsi t-temp li mhux dejjem ikun favorevoli u li jħalli n-nies id-dar (għalkemm ma nistgħux ingergru minn dak li qed ikollna bħalissa) kif ukoll diversi affarijiet oħra internazzjonali li jeffettwaw il-prezzijiet tal-prodotti li nixtru. Madankollu jekk int taħdem u dejjem tkun bilgħaqal, tkun kapaċi tirbaħ dawn l-isfidi wkoll.”

Robert Cassar sostna li hu investa ħafna fil-ħanut tiegħu u dejjem jara li jkun aġġornat mal-aħħar żviluppi tas-settur kulinarju li dejjem jinbidel skont iż-żmien li nkunu qegħdin fih. Madankollu s-servizzi bi tbissima u l-ikel ta’ kwalita’ jgħinu wkoll sabiex ir-ristorant jieħu l-isem u n-nies jirrakkomandaw dan is-servizz lil ħaddieħor.

Finalment tlabna lil Robert Cassar sabiex jgħaddi messaġġ lil dawk iż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fil-qasam tal-kċina.

“Il-kċina hi xi ħaġa verament sabiħa li tagħtik ħafna sodisfazzjon speċjalment jekk bħali toħodha bis-serjeta’. Hu sabiħ li tagħti pjaċir lill-klijenti tiegħek b’ikel tajjeb, bnin, ġenwin u ta’ kwalita’ u aktar u aktar meta int issaqsihom kif kien u huma jkunu sodisfatti. Din hi xi ħaġa li nirrakkomandaha lil kulħadd għax meta int toħloq l-ikel għal ħaddieħor hi emozzjoni li ma nistax niddeskriviha. B’ħafna impenn u dedikazzjoni int jirnexxielek tagħmilha wkoll!”

Sport