Il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi l-introduzzjoni ta’ taxxa progressiva fuq il-fjuwil tal-avjazzjoni għal titjiriet li jsiru fl-Unjoni Ewropea. Il-proposta tal-Kummissjoni hi li t-taxxa tibda minn rata minima ta’ 0% fl-2023 u tiżdied b’10% fis-sena biex tilħaq 100% fuq perijodu ta’ għaxar snin.
B’riferenza għal dan, il-linja nazzjonali Air Malta stqarret li sa s-sena 2024, il-flotta li se jkollha se tkun tikkonsisti minn ajruplani tat-tip A320neo. Bl-użu ta’ dawn l-ajruplani l-ġodda se jitjieb l-użu tal-enerġija u b’hekk l-Air Malta se tnaqqas b’mod sinifikanti l-konsum tal-fjuwil, l-emissjonijiet tal-karbionju u l-impronta tal-istorbju.
B’hekk se tkun f’pożizzjoni tajba biex tkun ewlenija fit-tnaqqis tat-tibdil fil-klima kkawżat mill-bniedem u wkoll biex tilħaq il-miri tagħha ta’ sostenibbiltà.
L-Air Malta bdiet it-tiġdid tal-flotta tagħha fl-2018, billi bdiet tbiddel il-flotta ta’ ajruplani minn Airbus A320ceo antiki għal A320neo li huma aktar ekoloġiċi.
It-tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea hija kompetenza tal-istati membri u għalhekk il-proposta li qed tagħmel il-Kummissjoni Ewropea, biex tiġi adottata, tinħtieġ l-approvazzjoni unanima tal-istati membri kollha tal-Kunsill.
Madankollu, l-Air Malta qed tirrakkomanda li l-fjuwil tal-avjazzjoni għandu jibqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija. Il-proposta eżistenti, jekk tiġi approvata, se żżid il-prezz tal-fjuwil tal-lum b’madwar 90% sal-2033.
L-Air Malta topera minn u lejn Malta, li hija gżira żgħira ta’ Stat Membru fil-periferija tal-UE li tiddependi mit-trasport bl-ajru għall-moviment liberu tal-Maltin lejn il-bqija tal-Unjoni Ewropea. Taxxa fuq il-fjuwil tal-avjazzjoni għaldaqstant mhijiex se tirriżulta f’bidla għal mod ieħor tat-trasport iżda se jkollha biss impatt negattiv fuq il-koeżjoni ekonomika u soċjali tal-Gżejjer Maltin filwaqt li tiżola lill-Gżejjer.
L-Air Malta sostniet li bħala pajjiż periferali li jiddependi ħafna mit-turiżmu, l-impożizzjoni ta’ taxxa fuq il-fjuwil tal-avjazzjoni se twassal biex effettivament id-destinazzjoni ta’ Malta titlef it-turiżmu għal destinazzjonijiet ġirien oħra barra mill-UE. Minn dak li jidher huwa ċar Malta se tkun fost dawk l-aktar affettwati.
Dawk li l-aktar se jintlaqtu huma l-linji tal-ajru reġjonali, bħall-Air Malta, li jipprovdu l-konnettività kritika mill-periferiji, mir-reġjuni ultraperiferiċi, mill-gżejjer, u mill-Istati Membri gżejjer żgħar lejn l-Ewropa kontinentali fejn jingħaqdu ma’ ċentri akbar biex jippermettu lill-passiġġieri jilħqu d-destinazzjoni tagħhom jew jikkollegaw mal-bqija tad-dinja.
L-ispejjeż żejda se jkollhom effett anċillari fuq l-ekonomiji ta’ dawn it-territorji li jiddependu ħafna mit-trasport bl-ajru għall-konnettività tagħhom. Linji tal-ajru bħall-Air Malta li joperaw titjiriet ġewwa l-UE biss se jbatu minn distorsjoni serja tal-kompetizzjoni minħabba li linji tal-ajru oħra mhux se jiġu intaxxati bl-istess mod.
L-Air Malta hija tal-fehma li t-tassazzjoni mhijiex it-tweġiba għas-sostenibbiltà tal-avjazzjoni u d-dipendenza fuq it-tassazzjoni peress li s-soluzzjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-avjazzjoni fil-pakkett tal-UE “Fit for 55” hija kontroproduttiva għall-għan ta’ avjazzjoni sostenibbli – taxxa sempliċiment se tieħu fondi tant meħtieġa mill-industrija li jistgħu jappoġġaw investimenti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fit-tiġdid tal-flotta, teknoloġiji nodfa u t-tranżizzjoni lejn l-SAFs.
Minflok taxxa fuq il-fjuwil tal-avjazzjoni, l-Air Malta ssostni li l-UE għandha tiffoka fuq inċentivi għall-produzzjoni tal-SAFs li jnaqqsu l-emissjonijiet b’sa 80% meta mqabbla mal-fjuwil tradizzjonali tal-avjazzjoni. Provvista insuffiċjenti u l-ispejjeż għoljin attwali tal-SAFs se jwasslu għal adozzjoni limitata tal-linji tal-ajru.
Il-proposta tal-UE “Fit for 55” ma tinkludix miżuri diretti dwar kif l-SAF isir orħos. Il-fatt li l-SAF isir orħos se jaċċellera t-tranżizzjoni tal-enerġija tal-avjazzjoni u jtejjeb il-kompetittività tal-Ewropa bħala ekonomija ekoloġika. It-tassazzjoni se teqred l-impjiegi filwaqt li l-inċentivazzjoni tal-produzzjoni tal-SAF se ttejjeb l-indipendenza enerġetika u toħloq impjiegi sostenibbli.
L-objettiv tal-Ewropa u tal-industrija tal-avjazzjoni fuq terminu qasir għandu jkun li jiġi pprovdut trasport bl-ajru sostenibbli u għall-but ta’ kulħadd għaċ-ċittadini Ewropej kollha b’ajruplani mħaddma bl-SAF li joperaw fi ħdan ġestjoni effiċjenti tat-traffiku tal-ajru. It-tassazzjoni fuq il-fjuwil tal-avjazzjoni mhux se tikseb dan.