Friday, December 27, 2024

Il-KE taddotta regola li tistabbilixxi li ċ-ċertifikat tal-vaċċin ikun validu għal disa’ xhur

Aqra wkoll

Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat regoli relatati maċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-Unjoni Ewropea, li jistabbilixxu perjodu ta’ aċċettazzjoni vinkolanti ta’ disa’ xhur (preċiżament 270 jum) għaċ-ċertifikati tat-tilqim għall-ivvjaġġar ġewwa l-UE stess. 

Fi stqarrija ntqal li perjodu ta’ aċċettazzjoni ċar u uniformi għaċ-ċertifikati tat-tilqim se jiggarantixxi li l-miżuri tal-ivvjaġġar se jkomplu jkunu kkoordinati, kif mitlub mill-Kunsill Ewropew wara l-aħħar laqgħa tiegħu fis-16 ta’ Diċembru. Ir-regoli l-ġodda se jiżguraw li r-restrizzjonijiet ikunu bbażati fuq l-aħjar evidenza xjentifika disponibbli, kif ukoll kriterji oġġettivi. Intqal li l-koordinazzjoni kontinwa hija essenzjali għall-funzjonament tas-Suq Uniku, u dan se jagħti ċarezza liċ-ċittadini tal-UE huma u jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu.

Dan iċ-ċertifikat ġie deskritt bħala storja ta’ suċċess u li se jkompli jiffaċilita l-ivvjaġġar sikur għaċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea matul iż-żmien tal-pandemija. Intqal kif s’issa nħarġu 807 miljun ċertifikat fl-UE. 

Ir-regoli l-ġodda għall-ivvjaġġar ġewwa l-UE stess jarmonizzaw ir-regoli differenti fl-Istati Membri. Il-perjodu ta’ validità jqis il-gwida taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, li skontha jiġu rrakkomandati d-dożi tal-booster sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara li l-persuna tkun tlaqqmet bl-ewwel sensiela tat-tilqim. Iċ-Ċertifikat se jibqa’ validu għal perjodu ta’ grazzja ta’ tliet xhur addizzjonali aktar minn dawk is-sitt xhur, biex jiżgura li l-kampanji nazzjonali tat-tilqim jkunu jistgħu jaġġustaw u li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għad-dożi booster.

Ir-regoli l-ġodda dwar il-perjodu ta’ aċċettazzjoni taċ-ċertifikati tat-tilqim japplikaw għall-fini tal-ivvjaġġar. Meta jintroduċu regoli ġodda dwar l-użu taċ-ċertifikati fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri huma mħeġġa jallinjawhom ma’ dawn ir-regoli l-ġodda biex jipprovdu ċ-ċertezza għall-vjaġġaturi u jnaqqsu t-tfixkil.

Barra minn hekk, illum il-Kummissjoni adattat ir-regoli għall-kodifikazzjoni taċ-ċertifikati tat-tilqim. Dan huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li ċ-ċertifikati tat-tilqim li juru t-tlestija tas-sensiela primarja dejjem ikunu jistgħu jiġu distinti miċ-ċertifikati tat-tilqim maħruġa wara doża booster.

Il-boosters se jiġu rrikordjati hekk:

  • 3/3 għal doża booster wara sensiela ta’ tilqim primarju ta’ żewġ dożi.
  • 2/1 għal doża booster wara tilqim b’doża waħda, jew doża waħda minn vaċċin ta’ żewġ dożi amministrata lil persuna rkuprata.
Ekonomija

Sport