Saturday, December 21, 2024

IL-KE TIRREVEDI ‘L FUQ IT-TBASSIR EKONOMIKU GĦAL MALTA

Aqra wkoll

Mill-aħħar tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea, dak għall-ħarifa, jirriżulta li għal din is-sena u s-sentejn li ġejjin, Malta se jkollha l-akbar tkabbir ekonomiku minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

Fir-rapport tagħha dwar Malta, il-KE tgħid li t-tkabbir reali tal-Prodott Gross Domestiku (GDP) fl-2024 huwa stmat li jilħaq il-livell ta’ 5%, 0.4 punti perċentwali aktar minn dak li kien imbassar fir-rebbiegħa. Dan ifisser aktar minn ħames darbiet il-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Il-kontributuri ewlenin wara dan it-tkabbir kienu l-konsum privat u pubbliku qawwi megħjun mill-kontribut pożittiv tal-esportazzjonijiet netti. Għas-sentejn li ġejjin, Malta mistennija li jkollha wkoll l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea. Ir-rata mbassra għal Malta se tkun ta’ 4.3% kemm għall-2025 kif ukoll għall-2026.

Id-defiċit tal-Gvern mistenni li jonqos għal 4% tal-GDP fl-2024. Is-sena d-dieħla, id-defiċit mistenni li jonqos għal 3.5% filwaqt li għall-2026, huwa mbassar li dan se jinżel għal 3.1%.

F’dak li jirrigwardja t-turiżmu, il-KE nnotat li Malta diġà qabżet il-livelli ta’ qabel il-pandemija fl-2023, b’dan is-settur kulma jmur qed ikompli jikber. Fil-fatt, bejn Jannar u Awwissu 2024, l-influss tat-turisti kien 21.1% akbar meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.

Immexxija mit-turiżmu u setturi oħra tas-servizzi (rikreattivi, professjonali, tal-IT u finanzjarji) l-esportazzjonijiet huma mistennija li jkomplu jikbru aktar malajr mill-importazzjonijiet fl-2024, b’kontribut ġenerali pożittiv tal-kummerċ għat-tkabbir reali tal-GDP.

It-tkabbir fl-investiment huwa mbassar li jirkupra wara tnaqqis irreġistrat fl-2023, biex jilħaq l-4.4% fl-2024, 4.5% fl-2024 u 3.5% fl-2026. L-impjiegi mistenni li jikbru b’4.3% fl-2024 filwaqt li r-rata ta’ qgħad hi mbassra li se tkun fil-livell ta’ 3.2% għal din is-sena, 3.1% fl-2025 u 3% fl-2026.

Ir-rapport tal-KE jinnota illi l-prezzijiet tal-enerġija mistennija li jibqgħu stabbli kemm għall-2025 kif ukoll għall-2026 u dan hekk kif l-awtoritajiet Maltin ikkonfermaw l-impenn tagħhom li jkomplu s-sussidji fuq l-enerġija. L-inflazzjoni għal din is-sena mistennija tkun 2.5%, tinżel għal 2.2% fl-2025 u tonqos għal 2% fl-2026.

B’reazzjoni fuq il-pjattaforma X, il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif il-Kummissjoni Ewropea rrevediet ‘il fuq it-tbassir ekonomiku tagħha għal Malta. “B’5% din is-sena se jerġa’ jkollna l-akbar tkabbir fost il-pajjiżi kollha, aktar minn ħames darbiet il-medja tal-UE. L-inflazzjoni u l-qgħad se jkomplu jonqsu,” qal il-Prim Ministru.

Ekonomija

Sport