Monday, December 23, 2024

Il-KE tniedi l-Alleanza għall-Mediċini Kritiċi

… biex jiġu evitati u indirizzati n-nuqqasijiet ta’ mediċini kritiċi

Aqra wkoll

L-Awtorità tal-UE għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa (HERA), flimkien mal-Presidenza Belġjana tal-Kunsill tal-UE, illum nedew l-Alleanza għall-Mediċini Kritiċi fil-marġni tal-laqgħa informali tal-Kunsill tal-EPSCO tal-ministri tas-saħħa, bħala parti mill-azzjonijiet biex nibnu Unjoni Ewropea tas-Saħħa aktar b’saħħitha.

Din l-Alleanza tiġbor fiha l-awtoritajiet nazzjonali, l-industrija, organizzazzjonijiet tas-saħħa, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, il-Kummissjoni u aġenziji tal-UE biex jidentifikaw l-aħjar miżuri biex nindirizzaw u nevitaw in-nuqqas ta’ mediċini kritiċi.

L-Alleanza, li l-Kummissjoni ħabbritha għall-ewwel darba f’Ottubru tal-2023, se tiffoka fuq il-politika industrijali u tikkomplementa r-riforma tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-mediċini kif proposta mill-Kummissjoni.Din tirrappreżenta risposta diretta għall-appell ta’ aktar minn 23 Stat Membru għal aktar awtonomija strateġika f’dan is-settur.

Wara sejħa miftuħa għal espressjoni ta’ interess, li ħarġet fis-16 ta’ Jannar 2024, l-Alleanza issa tgħodd madwar 250 membru reġistrat, fosthom ministeri u aġenziji li jirrappreżentaw lill-Istati Membri, kumpaniji jew organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-industrija, u organizzazzjonijiet mhux governattivi.

Azzjonijiet strateġiċi ewlenin tal-Alleanza

L-Alleanza, li hija stabbilita bħala mekkaniżmu konsultattiv trasparenti għall-partijiet ikkonċernati ewlenin se:

· taħdem biex tiżgura s-sigurtà tal-provvista;

· issaħħaħ id-disponibbiltà tal-mediċini;

· tnaqqas id-dipendenzi tal-katina ta’ provvista tal-UE.

Dan kollu se jwassal biex l-Ewropa jkollha industrija farmaċewtika aktar reżiljenti u sostenibbli, u li n-nies ikollhom provvisti ta’ mediċini aktar fiż-żgur.

Biex issaħħaħ il-sigurtà tal-provvista, l-Alleanza se tiżviluppa rakkomandazzjonijiet strateġiċi biex jiġu indirizzati u evitati n-nuqqasijiet. Il-fatturi ewlenin li qed jiġu analizzati huma dipendenza żejda fuq għadd limitat ta’ fornituri esterni, possibbiltajiet ta’ diversifikazzjoni limitati, u kapaċità ta’ produzzjoni limitata.

Dan kollu se jinbena fuq l-analiżi tal-vulnerabbiltà li l-Kummissjoni għamlet fuq il-punti ta’ konġestjoni fil-katina ta’ provvista tal-mediċini fil-lista tal-Unjoni tal-mediċini kritiċi. Flimkien dawn ir-rakkomandazzjonijiet se jagħmlu parti minn Pjan Strateġiku multiannwali, li jkun fih stadji importanti x’jintlaħqu u skadenzi korrespondenzi għall-implimentazzjoni tagħhom.

Id-diskussjonijiet fl-Alleanza se jgħinu lill-Kummissjoni tidentifika proġetti ta’ investiment innovattivi (pipeline investment projects) li jistgħu jibbenefikaw mill-finanzjament tal-UE u nazzjonali biex isaħħu l-manifattura fl-UE.

L-Alleanza se tara wkoll kif l-inċentivi għas-suq, bħall-possibbiltà li jiġi estiż l-użu ta’ kuntratti ta’ riżerva tal-kapaċità u l-akkwist konġunt jistgħu jintużaw biex isaħħu s-sigurtà tal-provvista tal-mediċini kritiċi.

L-Alleanza se tadotta perspettiva ħolistika tal-katina ta’ provvista, u l-membri tagħha jistgħu jidentifikaw sinerġiji ġodda biex jaħdmu flimkien b’mod aktar effettiv, inkluż billi joħolqu sħubijiet ġodda.

Minħabba n-natura globali tal-katina ta’ provvista, u l-interess b’saħħtu muri minn, pereżempju, bosta sħab mill-Balkani tal-Punent u minn pajjiżi tal-Viċinat Ewropew biex jieħdu sehem fl-Alleanza, dawn is-sħubijiet ġodda jistgħu jwasslu għad-diversifikazzjoni tal-katina ta’ provvista ta’ mediċini kritiċi.

Ekonomija

Sport