Sunday, December 22, 2024

Il-KE toħroġ il-pagamenti tar-REPowerEU lil Malta taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

Aqra wkoll

Il-Kummissjoni Ewropea lbieraħ ħarġet 13.9 miljun ewro lil Malta bħala prefinanzjament relatat mal-fondi REPowerEU taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex tingħata spinta lill-implimentazzjoni tal-miżuri kruċjali ta’ investiment u riforma deskritti f’kull kapitolu tar-REPowerEU.

Dan se jgħaġġel it-twettiq tal-objettivi tal-Pjan REPowerEU biex tiġi ffrankata l-enerġija, tiġi prodotta enerġija nadifa u jiġu ddiversifikati l-provvisti tal-enerġija, bil-ħsieb li l-Ewropa ma tibqax dipendenti fuq il-fjuwils fossili Russi ferm qabel l-2030, fid-dawl tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja.

Il-pagamenti ta’ prefinanzjament huma ekwivalenti sa 20% tal-fondi addizzjonali mitluba għall-finanzjament tal-kapitlu REPowerEU ta’ kull pajjiż.

Biex tiffinanzja din l-ambizzjoni akbar, Malta kienet talbet li sehem tagħha mir-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit jiġi ttrasferit għall-pjan, li jammonta għal €40 miljun. Dawn il-fondi jiżdiedu mal-għotja REPowerEU ta’ Malta ta’ €30 miljun.

Il-miżuri tar-REPowerEU jinkludu riforma tas-sistema tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli u investiment ta’ €70 miljun mal-grid tal-elettriku. Ir-riforma se tgħin biex jitħaffu l-proċeduri għall-għoti ta’ permessi għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli u tintroduċi obbligu li jiġu installati pannelli solari fuq il-bjut fuq ċerti binjiet ġodda.

L-investiment se jsaħħaħ u jespandi l-grid tal-elettriku u s-servizzi tad-distribuzzjoni, filwaqt li jibni wkoll kapaċità ċentralizzata għall-ħżin tal-batteriji.

Dawn il-miżuri flimkien huma mistennija jżidu s-sehem ta’ Malta fl-enerġija rinnovabbli u jaċċelleraw id-dekarbonizzazzjoni tas-setturi tal-ġenerazzjoni tal-enerġija, tal-bini u tat-trasport.

Ekonomija

Sport