Tuesday, September 30, 2025

‘Il-kelma ‘Valletta’ hija ikbar minn sempliċiment tmien ittri … hemm potenzjal li tinbena ‘brand name’ b’saħħitha ħafna’ – Clinton Farrugia

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Minn t’etá żgħira flimkien ma’ missieri kont nitla’ Ta’ Qali nara t-tim ta’ pajjiżi Valletta jilagħbu.  Fid-disgħinijiet il-krema ta’ Malta lagħbet u rebħet mal-Valletta FC – Kris Laferla, Joe Camilleri, Nicky Saliba, Joe Zarb u ħafna plejers oħra li rebħu kollox f’qasir żmien bil-flokk abjad.  Imma mhux biss – konna nitilgħu biex naraw anke n-Nazzjonal u logħbiet oħra.  Niftakar meta bdew jintlagħbu l-logħob taħt id-dawl artifiċjali, konna mmorru wkoll. 

Li mmur il-grawnd nara l-futbol kienet l-highlight tal-ġimgħa.  Apparti minn hekk, meta bdejt nikber kont immur grawnds oħra nara aktar logħbiet.  Kont naqbad tal-linja u nerħila għall-Kordin jew il-Hamrun nara logħbiet anke ta’ diviżjonijiet iżgħar.  Anki l-Infetti kont nitla’ biex nara l-kampjonat tan-nisa jintlagħab ġo grawnd tas-7-a-side.  Jiena nħobb ħafna l-istorja tal-futbol u meta m’ommi konna ninżlu Ta’ Xbiex kont dejjem nieqaf fejn l-Istadium tal-Gzira biex insib mezz biex nidħol narah minn ġewwa.  Sfortunatament logħob ġewwa l-Istadium tal-Gzira ma lħaqtx għax lanqas kont għadni twelidt.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala Assistent Segretarju ta’ Valletta FC.

Ir-rwol tiegħi huwa wieħed varju bħall-bqija tal-kumitat.  Għalkemm kulħadd għandu l-area tiegħu, qegħdin naħdmu bħala tim wieħed biex lil dan il-Klabb nerġgħu intuh il-futur li jixraqlu.  Bħala assistent segretarju matul l-istaġun tas-sajf l-attenzjoni prinċipali tkun fuq ir-reġistrazzjonijiet tal-plejers li jiġu akkwistati jew rilaxxati.  Formoli tar-reġistrazzjoni, medicals, work permits, kuntratti u affarijiet oħra li għandhom x’jaqsmu mas-sistema tal-COMET tal-MFA inkuż liċenzja tal-MFA.  Meta dan ix-xogħol jibda jnaqqas, l-attenzjoni tibda ddur fuq affarijiet oħra fosthom attivitajiet għall-partitarji, kuntatt ma’ NGOs Beltin biex nersqu qrib xulxin, nitkellem ma’ eks plejers biex b’xi mod jkunu aktar involuti fil-klabb, storja tal-Klabb u affarijiet oħra li jinqalgħu kuljum. 

Apparti minn hekk, bħalissa qiegħed naħdem fuq proġett ambizzjuż biex permezz tal-mużika, filwaqt li niftakru fil-passat glorjuż tagħna, nagħtu image li l-Klabb taghna qiegħed isir aktar modern billi jilqa’ aktar partitarji lejh.  Dan huwa t-tim tal-futbol tal-Belt Kapitali Maltija bl-ikbar following fil-gżira b’pontenzjal enormi li nistgħu nużawh ferm aktar biex b’hekk inkomplu nikbru.

Kemm taħdem spalla ma’ spalla mas-Segretarju Kevin Bonello u mal-president Claudio Grech fost oħrajn?

Bħala segreterjat qegħdin tim ta’ tliet persuni b’Kevin Bonello jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Generali u Claudette Taliana assistent segretarju wkoll bħali.  Kevin għandu esperjenza vasta f’dan il-qasam u dejjem lest li jagħti pariri tajba li jħalli r-riżultat mixtieq.  Tista’ tgħid li hemm ħafna xi jsir fosthom xogħol ta’ formolu ta’ kull tip u għalhekk flimkien qegħdin naqsmu dan kollu bejnietna.  Nitkellmu kuljum u qegħdin niġbdu l-istess ħabel biex dan il-Klabb ma jerġax jgħaddi minn dak li għadda fis-snin riċenti.  Dan l-istaġun għandna f’idejna wkoll it-tim tan-nisa fejn Claudette qiegħda tagħmel xogħol mil-aqwa flimkien mat-tim tagħha.

Il-president Claudio Grech daħal fil-Klabb meta l-istess Klabb kien viċin li jagħlaq il-bieb tiegħu darba għal dejjem.  F’perjodu qasir u bi pjan serju irnexxielu jdawwar ir-rota għal waħda ta’ Klabb serju u proffesjonali.  Bena struttura t’aktar minn 60 persuna b’responsabbilitajiet differenti kulħadd fuq xogħlu.  Proġett li mhux qiegħed jaħseb biss fuq ir-riżultati fil-pitch imma wkoll fuq barra biex il-pedamenti ta’ dan il-Klabb jerġgħu jissaħħu.  Mhux faċli imma bid-direzzjoni ta’ Claudio mexjin fit-triq it-tajba.  Fadal ħafna xi jsir imma bl-għajnuna ta’ kulħadd ninsab ċert li sejrin naslu biex ġewwa l-pitch u barra dan il-Klabb jerġa’ jsir protagonist fil-futbol Malti.

Hemm ħafna aktar persuni li ta’ kuljum naħdem magħhom fosthom Dr Ben Pule u Roderick Axisa – żewġ persuni li mingħajr ħafna daqq ta’ trombi qegħdin jaħdmu lejl u nhar biex naslu fejn irridu.  Fl-aħħar ma tistax ma ssemmiex lil Nicky Saliba għax-xogħol li qiegħed jagħmel flimkien mat-tim tiegħu biex nerġgħu nirbħu r-rispett fil-pitch.       

X’tikkummenta fuq dan il-bidu ta’ staġun minn Valletta FC?

Wara nuqqas ta’ ħames staġuni, qiegħed nieħu pjaċir inħares lejn il-klassifika u nara lil Valletta FC fuq quddiem.  L-istaġun huwa wieħed twil ħafna u għalhekk għadu wisq kmieni biex wieħed jasal għal ċerti konklużjonijiet.  Li huwa żgur huwa l-fatt li r-recruitment team flimkien mal-istaff tekniku għamel il-homework tiegħu matul is-sajf tajjeb għax il-bidu fil-kampjonat kien tajjeb.  Ma rridux nibdew niġru għax it-triq twila.  Jiġri x’jiġri, l-importanti li nibqgħu umli għax b’hekk biss wieħed ikun jista’ jkompli jikber.

Kif qed tħarsu lejn dan l-istaġun, hekk kif għadna fil-bidu tiegħu?

Kif għidt qabel, l-istaġun huwa wieħed twil, għalhekk hemm ħafna fatturi li wieħed għandu jżomm f’moħħu.  Il-maratona twila sa Mejju u jistgħu jiġru ħafna affarijiet sa dakinhar.  F’dan l-istadju importanti li nżommu ‘l bogħod miż-żona l-ħamra għax illum kulħadd qiegħed jagħti logħba lil kulħadd.  Ma ninsewx li sa ftit xhur ilu konna qegħdin nilagħbu fiċ-Challenge League, għalhekk ma nistgħux nipretendu li sejrin nirbħu l-unuri mal-ewwel.  Irridu l-paċenzja, inkluż minni, għax wara kollox Ruma ma nbnietx f’ġurnata.  Irridu nżommu f’moħħna minn fejn tlaqna u fejn qegħdin illum il-ġurnata qabel ma nibdew ngħaġġlu.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Il-futbol kien, għadu u jibqa’ l-isport prinċipali f’Malta u Għawdex.  Ma naqbel xejn ma’ min jgħid li l-livell tal-futbol Malti ma mexiex ‘il quddiem.  Biss biss jekk wieħed iħares lejn ir-riżultati li qegħdin iġibu l-Klabbs Maltin fil-kompetizzjonijiet tal-UEFA malajr jinduna li sejrin fid-direzzjoni t-tajba.  Għall-ewwel darba ħa jkollna tim Malti fil-fażi tal-Gruppi tal-Conference League u persważ li mhux ħa tkun tal-aħħar. Il-problema prinċipali fil-futbol Malti hija li sfortunatament għad hemm il-mentalitá li din hija biss logħba bejn id-dilettanti, għalhekk qegħdin nibqgħu fil-confort zone u nżommu lura milli nieħdu ċerti deċiżjonijiet li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd biex wara 125 sena nilagħbu l-loghba, nagħmlu l-qabża li jmiss.  Nemmen li jekk l-MFA, MPL u l-Klabbs jiġbdu l-istess ħabel, il-livell ikompli jiżdied.  Ikun żball li l-partitarju Malti jibqa’ jqabbel il-livell Malti mal-krema tal-Ewropa – jekk nibqgħu nagħmlu dan ma nkomplux nikbru.    

U dak tar riżorsi (grawnds) fejn il-plejers jitħarrġu u jilagħbu l-logħob kompetittiv tagħhom?

Sfortunatament, f’dan il-qasam waqajna ħafna lura matul is-snin.  Jghid x’jgħid kulħadd, stadia mhux grawnds ta’ livell m’hawnx biżżejjed.  Bi stadia nifhem b’post fejn hemm dressing rooms ikunu ta’ livell tajjeb, dawl artifiċjali ta’ livell tajjeb, stand ta’ livell fejn wieħed jista’ jara l-pitch kollu minn postu u fuq kollox, size ta’ pitch li huwa vera ta’ 11-a-side.  Bejn Malta u Għawdex kulma għandna minn dawn huma biss ħamsa u l-maġġoranza tagħhom qegħdin jintużaw mit-Tnejn sal-Ħadd.  Nemmen li minn tal-inqas għandna bżonn żewġ stadia oħra li jkollhom seating capacity ta’ madwar 4,000 kull wieħed.  L-Istadium Nazzjonali għandu jintuża biss għal okkazjonijiet kbar, kemm lokali kif ukoll internazzjonali, simili għall-kunċett Ingliż ta’ Wembley Stadium ġewwa Londra.

Sfortunatament, il-Klabb Belti ilna snin niġu mwiegħda post fejn inkunu nistgħu nittrenjaw. 

F’dawn l-aħħar 25 sena dorna Malta kollha nittrenjaw ġewwa grawnds differenti.  Sal-lum għadna niġġieldu għal dak li huwa tagħna bid-dritt.  Klabb kbir bħal tagħna ħaqqu aktar rispett mill-awtoritajiet.  Bħalna hemm klabbs oħra li m’għandhomx fejn jittrenjaw u qegħdin jispiċċaw jonfqu eluf ta’ Ewro kull staġun f’kirjiet.  Nemmen li biex nagħmlu l-qabża li jmiss, kull klabb li jilgħab fil-Malta Premier biex jikkwalifika biex jilgħab fl-ogħla diviżjoni għandu jkollu l-faċilitajiet tiegħu u min huwa responsabbli jista’ jgħin biex dan iseħħ.  Ma’ kull ġurnata li qiegħda tgħaddi qegħdin nitilfu ċ-ċans li l-futbol Malti jkompli jikber.      

Kif qed tħares lejn il futur tiegħek fl-amministrazzjoni tal-futbol?

Matul is-sajf il-membri tal-Valletta FC tawna l-fiduċja tagħhom għat-tliet staġuni li ġejjin.  Nixtieq li f’dan il-perjodu, il-Klabb jirnexxielu jibni l-bażi tajba.  Il-kelma Valletta hija ikbar minn sempliċiment tmien ittri.  Hemm potenzjal li tinbena brand name b’saħħihta ħafna.  Hemm ħafna xogħol li diġá beda jsir f’dan il-qasam u ninsab ċert li l-frott tiegħu dalwaqt nibdew narawh.  Mhux faċli li wieħed ibiddel il-mentalitá, l-importanti li wieħed jaħdem biex ma nibqgħux Status Quo.  Fuq nota personali, l-importanti huwa li sa tliet staġuni oħra, dan il-Klabb ikun f’pożizzjoni aħjar milli jinsab fiha llum.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Nemmen li llum jeżistu aktar opportunitajiet biex wieħed jagħmel karriera ta’ suċċess.  It-triq mhux facli għax bħala sport, il-futbol huwa wieħed enormi imma b’sagrifiċċju u impenn ir-riżultat jasal.  L-importanti li ma taqta’ qalbek qatt, ma tħares lejn wiċċ ħadd u fuq kollox tibqa’ determinat li tasal fejn trid. Kuraġġ!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport