Sunday, December 29, 2024

IL-KENN LI MA JOFFRIX KENN GĦAŻ-ŻWIEMEL … 

Aqra wkoll

Fl-inħawi madwar il-Belt Valletta, partikularment ħdejn il-ħruġ mill-Barrakka ta’ Fuq ta’ kuljum naraw il-famużi karozzini jistennew lit-turisti biex joħduhom dawra mal-belt kapitali ta’ pajjiżna. Tradizzjoni li ilha snin twal u li għadha popolari iżda hekk kif qed joqorbu l-ġranet sħan tas-sajf, ma nistgħux ma nagħtux kas il-fatt tax-xemx qalila li se jkollhom jgħaddu sigħat sħaħ fiha dawn il-povri żwiemel.

Biex tittaffa kemmxejn din il-problema, xi żmien ilu kienu tpoġġew tined żgħar biex ma joħolqux ostaklu fid-daħla tal-Barrakka ta’ Fuq. Dawn it-tined huma żgħar u tista’ tgħid li kważi ma joffru l-ebda kenn mix-xemx għal dawn iż-żwiemel. Aktar u aktar meta x-xemx tkun taqbel fuqhom u prattikament it-tined ma jkunu qed joffrulhom l-ebda dell fuqhom. 

Inħossuna diżappuntati għall-fatt li bosta mis-sidien tal-karozzini aktar donnhom jieħdu ħsieb li l-karreġġjata mwaħħla maż-żwiemel tiġi protetta mix-xemx, minħabba diversi raġunijiet ovvji, milli ż-żwiemel infushom.

Għallinqas, mill-1 ta’ Lulju sal-aħħar ta’ Awwissu, huwa llegali li jinħarġu ż-żwiemel fit-toroq Maltin bejn is-siegħa u l-erba ta’ wara nofsinhar, jigifieri fil-ħin meta x-xemx tkun l-aktar qawwija. Madankollu r-realtà hija li fin-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu xorta waħda ż-żwiemel se jaffaċċjaw tbatija. L-aħjar li jsir hu li waqt li ma jkunux qed jaħdmu, ż-żwiemel jitpoġġew ġewwa għad-dell u l-frisk u mhux jinżammu taħt it-tined. Dik il-liġi kienet iddaħħlet fis-seħħ matul is-sajf tal-2019 wara numru ta’ inċidenti ta’ żwiemel li kkollassaw għax ma felħux is-sħana tas-sajf.

Skont dawn ir-regolamenti, iż-żwiemel jistgħu jitpoġġew jaħdmu biss massimu ta’ tliet darbiet fil-ġimgħa u wkoll jaħdmu ġranet alternattivi, jiġifieri ma jistgħux jitqiegħdu jaħdmu jumejn wara xulxin.

Il-vjaġġi bil-karozzini ma jistgħux ikunu itwal minn 45 minuta u m’għandhomx jakkomodaw aktar minn erba’ passiġġieri. Il-liġi hija waħda ċara u min jinstab li qed jikser dawn ir-regolamenti, f’każ ta’ ħtija ta’ moħqrija tal-annimali jista jiġi kkundannat sa massimu ta’ €65,000 għall-ewwel reat  u €80,000 jekk jinsrtab ħati t-tieni darba. 

Għalhekk nittamaw li dawn ir-regolamenti jiġu mħarsa strettament kemm min-naħa tal-operaturi tal-karozzini kif ukoll mill-awtoritajiet li xogħlom huwa li jaraw li dawn qed jiġu osservati. Dan filwaqt li jiġu kkunsidrati tined aħjar minn dawk eżistenti li joffru kenn verament kemm matul ix-xitwa u speċjalment matul is-sajf.

Ekonomija

Sport