Tuesday, July 8, 2025

‘Il-kickboxing huwa adattat kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, u m’hemmx limitu ta’ età’ – Noel Mercieca

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-kickboxing?
L-imħabba tiegħi għall-Kickboxing bdiet fis-snin 80 fl-etá ta’ 10 snin. Kont nammira ħafna u kont insegwi l-films ta’ Jean-Claude Van Damme .
Jiena u ħabib tiegħi, Michael, konna bdejna nittrenjaw flimkien ta’ tfal li konna. Kien żmien fejn konna nfittxu l-informazzjoni fuq il-kotba u l-magazines dwar l-arti marzjali, u nippruvaw nagħmlu bħalma konna naraw.
Minn hemm beda kollox. Ħabib tiegħi Johnathan ħadni fil-klabb ta’ Barry Lee Cilia biex nitħarreġ b’mod serju, u minn hemm bqajt inħares ’il quddiem. Wara 40 sena nitħarreġ dan l-isport wasalt fejn qiegħed illum u din is-sena ħa nagħlaq 29 sena ngħallem il-kickboxing.

Int wieħed mill-kowċis ewlenin tal-kickboxing f’pajjiżna kif ukoll Direttur u Fundatur ta’ Team Noel Fight & Fitness. X’sodisfazzjon tħoss meta tara atleti li rawwimt int jirnexxu speċjalment fix-xena inernazzjonali?
Illum il-ġurnata, dan it-tip ta’ sport għola ħafna fil-livell. Għalhekk, dejjem fittixt opportunitajiet għall-istudenti tiegħi, kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment. Huwa sodisfazzjon kbir għalija li nġorru l-isem ta’ Malta u nġibu l-unuri. Fil-club tiegħi għandi studenti ta’ etajiet differenti li ħadu sehem f’diversi avvenimenti u kisbu suċċess, anke sa livell professjonali. Dan hu li jġegħelni nkompli nħares ’il quddiem u nħossni grat minn fejn bdejt.

Kif tqis il-livell ta’ dan l-isport f’pajjiżna?
Meta nħares lura minn fejn bdejt, ninduna li ż-żgħażagħ tal-lum għandhom iktar opportunitajiet minn dak iż-żmien. Fil-bidu li bdejt ngħallem kont

ġo Foyer ta’ skola fil-Fgura fuq il-madum u la twapet u la apparat u xejn ma kellna, peró llum l-istorja hi differenti.

Illum il-livell huwa ħafna ogħla, speċjalment meta tqis li bħala gżira żgħira qegħdin nikkompetu ma’ pajjiżi kbar u ksibna titli Ewropej u Mondjali f’isem Malta.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Bħala kowċ, dejjem nagħmel kuntatti u nara kif nista’ nġib iktar opportunitajiet lill-istudenti tiegħi, biex b’hekk ikomplu jiksbu esperjenza f’dan il-qasam. Kemm jekk tkun rebħa kif ukoll jekk tkun telfa, il-gwadann hemm ikun – għax dejjem titgħallem minn ħaddieħor.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport li tant tħobb?
Inħares lejn il-futur bit-tama li iktar żgħażagħ jinvolvu ruħhom f’dan l-isport. Bħala fighters, ikomplu jgħollu l-livell u jġibu iktar suċċessi għal Malta.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-kickboxing.
Bħala kowċ, dejjem naħdem biex inħajjar iktar nies jinvolvu ruħhom fl-isport mhux kickboxing jew boxing biss imma sport inġenerali.

Kelli studenti li bdew miegħi u waqfu u meta niltaqa’ magħhom jgħiduli bdejt sport ieħor għalija jkun ta’ sodisfazzjon xorta għax tal-inqas ngħid li l-individwu baqa’ involut fl-isport u mhux waqaf jew qabad triq ħażina għax barra li jgħinhom fiżikament u mentalment, jgħinhom ukoll jevitaw ċerti vizzji.

L-isport tagħna huwa adattat kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, u m’hemmx limitu ta’ età … biex nagħtik eżempju għandna atleti minn ta’ tliet snin sa 67 sena jiġifieri kif jgħidu bl-Ingliż (‘age is just a number’) – kulħadd jista’ jipparteċipa.

Fil-ħajja moderna tal-lum, il-combat sport jgħinek ukoll bħala mezz ta’ difiża personali (‘self-defence’). Aħna fil-lezzjonijiet tagħna ngħallmu lill-individwu dixxiplina u rispett – żewġ valuri importanti ħafna fil-ħajja ta’ kuljum.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport