Matul il-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd, ir-Russja wettqet attakk kbir mill-ajru fuq il-kapitali Ukrena Kiev. Is-Sindku tal-kapitali Vitali Klitschko waqt li kien qiegħed jitkellem mal-aġenziji tal-aħbarijiet internazzjonali qal li l-attakk li seħħ fl-aħħar sigħat “kien wieħed mill-akbar attakki li qatt wettqet ir-Russja fuq Kiev.”
S’issa ġie kkonfermat li nqatlu erba’ persuni u mill-inqas tminja oħrajn spiċċaw midrubin.
Iżda l-attakk fuq Kiev ma kien uniku hekk kif ir-Russja matul il-lejl wettqet diversi attakki oħrajn fuq reġjuni differenti fejn fost l-oħrajn fir-reġjun ta’ Zaporizhzhia 16-il persuna spiċċaw midrubin fosthom tlett itfal.
Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ukren qal li r-Russja wettqet attakki permezz ta’ drones u missili. Min-naħa tiegħu l-Presidenti Ukren Volodymyr Zelensky wissa lill-pajjiżi alleati li jekk ħadd mhu se jwaqqaf lir-Russja allura se jkun hemm konsegwenzi serji fuq l-Ewropa kollha. Sostna li dak li qiegħda twettaq ir-Russja huwa test fuq id-difiża tal-ajru li għandhom il-pajjiżi Ewropej u l-aktar fuq il-pajjiżi tan-NATO.
Kien fi Frar tal-2022 meta l-President Russu Vladimir Putin beda invażjoni fuq l-Ukranja u s’issa ta’ kuljum iż-żewġ naħat qegħdin iwettqu attakki fuq xulxin.