Thursday, December 26, 2024

“Il-kirjiet baqgħu l-istess daqslikieku m’hawnx kriżi”; Iwissi li ristoranti jistgħu jfallu minħabba l-kirjiet

Aqra wkoll

“Il-biċċa l-kbira tas-sidien tal-kera żammew il-prezz tal-kirjiet tagħhom daqslikieku m’hawn l-ebda kriżi.” Hekk saħaq Reuben Buttigieg, il-President ta’ Assoċjazzjoni għall-Istabbilimenti tal-Catering (ACE), filwaqt li talab lill-Gvern biex jirregola l-kirjiet kummerċjali għall-istabbilimenti tal-catering b’mod retrospettiv mill-1 ta’ Marzu li għadda.

Buttigieg tenna li mhux biss li tali kirjiet mhumiex sostenibbli għar-ristoranti, iżda jekk il-kirjiet mhumiex se jiu regolarizzati dan se jkollu impatt fuq l-impjiegi.

Huwa żied jgħid li filwaqt li ristoranti qed jirrapportaw dħul ekwivalenti għal 10% tad-dħul li kellhom qabel il-pandemija tal-Covid-19, il-kirjiet baqgħu l-istess daqslikieku m’hawnx kriżi, bil-kirjiet jammontaw għal madwar 50% tad-dħul tar-ristoranti f’kuntest ta’ ħajja normali.

Buttigieg wissa li l-prezz tal-kirjiet se jkun ir-raġuni għaliex ristoranti se jaslu biex jiddikjaraw falliment, dejjem jekk ma jiġux regolarizzati.

Huwa tenna li ACE matul dawn l-aħħar xhur talbet lill-Gvern biex jikkunsidra eżenzjonijiet mit-taxxa lil dawk is-sidien tal-kirjiet li jnaqqsu l-kirja kummerċjali, madankollu s’issa din għadha ma ġietx inkluża mill-Gvern fil-pakkett ta’ għajnuna. Fl-istess waqt qal li inċentivi fuq it-taxxa mhumiex biżżejjed bħala rimedju għas-sitwazzjoni, u talab lill-gvern biex jirregola kirja massima għal kull metru kwadu bħala liġi ta’ emerġenza fid-dawl tal-pandemija. Apparti dan talab lill-gvern biex ma jżommx kirjiet kummerċjali fuq proprjetà tal-Gvern.

Ekonomija

Sport