Ir-ritmu ekonomiku li qabad pajjiżna f’dawn l-aħħar snin, akkumpanjat mill-avvanz mgħaġġel fit-teknoloġija, qed juri dejjem aktar il-ħtieġa li l-ħaddiem ikun mgħammar bil-ħiliet neċessarji għad-dinja tax-xogħol tal-lum u aktar u aktar dik ta’ għada. Dan fl-għarfien illi jekk il-postijiet tax-xogħol ma jirriorganizzawx ruħhom jaslu fi stat li jistaġnaw u finalment jagħlqu l-bibien tal-produzzjoni tagħhom.
Biex dan ma jseħħx, diversi postijiet tax-xogħol għarfu l-ħtieġa ta’ dan u qed jikkumpensaw b’aktar taħriġ li qed jingħata lill-ħaddiema, inkoraġġit minn investiment qawwi mill-Gvern fir-riżorsi umani ta’ dan il-pajjiż. Dan għaliex ir-riżorsi umani huma l-unika riżorsa li għandu pajjiżna fuq xiex iserraħ.
F’dan l-isfond, hemm bżonn li tibqa’ għaddejja l-ħidma biex tkompli tiġi indirizzata d-diskrepanzi fil-pagi bejn in-nisa u l-irġel li jaħdmu. Dan huwa saħansitra mdaħħal fil-Kostituzzjoni li jipprojbixxi kwalunkwe forma ta’ diskriminazzjoni bejn is-sessi minn organizzazzjonijiet jew intrapriżi. Għalhekk, il-Gvern għandu jkompli jassigura li anke l-ħaddiema nisa jgawdu l-istess drittijiet u pagi daqs l-irġiel fuq il-postijiet tax-xogħol.
Dan it-titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema jmur id f’id mal-kisba ta’ aktar ħiliet fuq il-post tax-xogħol. Nemmnu li ħaddiem ippreparat u mħarreġ sew jagħti valur akbar lil dik il-kumpanija jew entità li jaħdem fiha u b’hekk tiżdied ukoll il-produzzjoni fuq ix-xogħol.
Nemmnu għalhekk li kien għaqli l-pass li ħa l-Gvern biex jenfasizza fuq l-edukazzjoni, anki dik okkupazzjonali li għandha tgħin biex is-soċjetà Maltija verament tkompli tavvanza fil-kapaċitajiet taghha u biex verament tilħaq il-ħtiġijiet ta’ pajjiżna tal-ġejjieni. L-Edukazzjoni diġitali wkoll ser tgħin bien tilħaq lil kulħadd u biex tkun aċċessibbli għal kulħadd.
F’dan il-kuntest, naqblu li l-Gvern ħa l-passi biex fil-budget għal din is-sena vvota mhux inqas minn €100 miljun għall-qasam tal-intelliġenza artifiċjali. Dan għaliex fehem illi dik hija t-triq ’il quddiem għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali li jrid jilħaq pajjiżna kif enfasizzat fil-Viżjoni Malta 2050.

