Il-Ministru għall-Gvern Lokali, Owen Bonnici, ħabbar li l-Kunsilli Lokali kollha madwar il-pajjiż se jibda jkollhom informazzjoni dwar sidien ta’ appartamenti li jinkrew għal perjodu qasir u anke tal-amministraturi tal-kondominji.
Din l-informazzjoni se tibda tgħaddi għand il-Kunsill Lokali biex tiġi indirizzata aħjar l-isfida li diversi bliet u rħula għaddejjin minnha bħalissa minħabba ħruġ illegali tal-boroż tal-iskart.
Waqt li kien qiegħed jitkellem mal-ġurnalisti, il-Ministru Bonnici sostna li wara laqgħat li kellu mal-Kunsilli Lokali ġie deċiż li se jkun hemm preżenza aktar qawwija tal-forzi tal-ordni biex jiżdied l-infurzar dwar l-iskart li jinħareġ b’mod illegali.
Irrikonoxxa l-fatt li fadal ħafna xi jsir biex l-iskart ikompli jiġi sseparat kif suppost, iżda tenna l-impenn tal-Gvern li se jkompli jisma’ t-tħassib tan-nies biex il-ħajja tar-residenti tkompli titjieb.