Saturday, February 1, 2025

Il-klabb ta’ SK Victoria Wanderers huwa familja estiża – Brian Azzopardi (president)

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba jew kif inħobb niddeskriviha jien il-passjoni tiegħi lejn l-S.K. Victoria Wanderers tnisslet u tkattret, bħal ħafna affarijiet oħra mingħand missieri. Bħall-familji ohrajn mir-Rabat Għawdex il-familja tiegħi marbuta ma’ dan il-klabb. Missieri barra li kien plejer kien membru tal-kumitat u president ta’ dan il-klabb. Jien bħalu servejt lil dan il-klabb u għamilt dan anke f’karigi oħrajn.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala president ta’ SK Victoria Wanderers.

Jien dejjem ngħid u fil-veritá hekk hu, li dan il-klabb huwa familja estiża. Kull minn b’xi mod jew ieħor kellu x’ jaqsam ma’ dan il-klabb b’rispett, rikonoxxenza u obbligu, jibqa’ f’qalbi u f’qalb kull membru tal-kumitat anke jekk għal xi raġuni jew oħra jieqaf jew jekk plejer ma jibqax magħna.  Ir-rwol tiegħi f’dan kollu hu li nżomm lil kulħadd  magħqud u niżgura li anke jekk naffaċċjaw problemi ta’ kuljum, il-klabb jibqa’ prioritá f’qalbhom u f’moħħhom. 

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

It-tragward tagħna bħala klabb hu wieħed, li nkunu fost il-prottagonisti fil-Kampjonat Għawdxi. Għandna kowċ, grupp ta’ plejers u struttura li kapaċi u rridu nilħqu dan it-tragward.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Mark Buttigieg?

Ħa nibdew minn hawn. Mark Buttigieg hu ħabib kbir tiegħi. Bniedem ta’ integritá kbira, bravu u ma nkun qiegħed ngħid xejn ġdid meta ngħid li huwa wieħed mill-aqwa kowċis li hawn fil-gżejjer Maltin. Huwa kowċ Għawdxi li rebaħ il-Kampjonat Premier Malti, xi ħaġa li mhux faċli għal Malti aħseb u ara għal Ghawdxi. M’hemmx xi żżid iktar minn hekk!

Kif tqis il-livell tal-futbol Għawdxi fil-preżent u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Ilni 35 sena mdaħħal fil-futbol tal-kbar Għawdxi. Dan għamiltu bħala plejer, membru tal kumitat, UEFA A Coach u president u għalhekk forsi nista’ ngħaddi opinjoni fuqu minn diversi aspetti. Il-livell tjieb għax il-plejers tjiebu, il-livell tat-taħriġ tjieb u l-faċilitajiet tjiebu wkoll. Jekk issa tgħidli bħala aspett ta’ passjoni, imħabba u essenza tal-futbol bħala sport, allura bħal kwalunkwe pajjiż ieħor, dik naqset. Jien lgħabt f’futbol fejn it-timijiet kienu kollha komposti minn plejers tal-lokalitá li kienu jirrapreżentaw. Il-flus tejbu l-futbol peró qereb ir-romantiċiżmu fih. Issa se ssib min jgħidlek li l-futbol dahri kien aqwa peró ħafna jkunu nqabdu fl-era tagħhom u allura jitkellmu b’nostalġija. Illum il-futbol sar kuntratti, pretenzjonijiet u flus!

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Din tal-grawnds tnissilli rabja kbira. Qed issir inġustizzja u diskriminazzjoni mall-klabbs Għawdxin. Mela Malta kważi kull tim li jeżisti għandu grawnd full-size flimkien mal-faċilitajiet tiegħu u Għawdex kulma hawn żewġ klabbs biss minn 13 li jieħdu sehem fil-kampjonati tal-GFA li għandhom il-faċilitá ta’ grawnd full-size u faċilitajiet oħra miegħu. Biex tkompli tgħaxxaqha qed issir diskriminazzjoni doppja mal-klabbs Rabtin għax filwaqt li l-pitches madwar Għawdex huma kollha ‘devoluted’ lill-klabbs rispettivi, tar-Rabat m’humiex u allura l-klabbs jużawh bħala parkeġġ għax ma jista’ jsir l-ebda investiment fih peressli m’ghandhomx titlu fuqu. Aħna pereżempju rridu nużaw il-grawnd ta’ Sannat Lions biex isir it-taħriġ kemm tal-kbar kif ukoll taż-żgħar. 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-amministrazzjoni tal-futbol?

Jien sakemm nibqa’ nara rispett minn sħabi u l-plejers nibqa’ hemm. Tajt ħajti u ruħi lil dan il-klabb peró jekk inħoss li m’għadniex rispettat jew ma baqagħli xejn x’noffri, b’imħabba u dover lejn il-klabb, inwarrab bil-kwiet.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol, kif ukoll ieħor lill- partitarji kollha ta’ SK Victoria Wanderers.

Bħal kull ħaġ’oħra fil-ħajja, is-suċċess hu marbut b’katina mas-sagrificcju, dixxiplina, impenn, rispett u saħħa mentali. Jekk ma jkollokx dawn x’ imkien teħel jew tidħol f’’comfort zone’. Rajt ħafna plejers li qatt ma laħqu l-aspettattiva tagħhom għax żelqu f’dawn. Rigward il-partitarji tagħna jien nemmen li riesaq iż-żmien li nieħdu pjaċir flimkien. Għandna skwarda mimlija bi plejers żgħażagħ promettenti tal-klabb li għalihom il-flokk blu ifisser ħafna aktar minn paga jew unur. J’Alla jibqgħu ma’ xulxin biex finalment nieħdu l-frott li għalih ilna naħdmu kollha flimkien!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport