Sunday, November 24, 2024

Il-klieb li weġġgħu lil Andre Galea mhux l-istess klieb li allegatament qatlu lil nantu

Aqra wkoll

Il-klieb li fis-17 ta’ April weġġgħu lil Andre Galea fl-Imsida mhux l-istess klieb li allegatament qatlu lil nantu Iniż Galea fl-2020. Dan ħareġ minn stqarrija li ġie ppubblikata ftit tal-ħin ilu mill-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali fejn intqal li “rigward rapporti li dehru fil-midja fejn intqal li l-persuna involuta fl-inċident tal-Imsida huwa breeder tal-klieb illegali, il-Ministeru xtaq jikkonferma li sal-ġurnata tal-lum, ma ġiet stabbilita l-ebda prova definittiva f’dan ir-rigward madanakollu, l-investigazzjonijiet fil-konfront tiegħu kienu, u għadhom għaddejjin.”

Il-Ministeru jisħaq illi sa mill-mument li kien ġie mgħarraf b’dan il-każ, huwa assigura li r-riżorsi kollha neċessarji sabiex jiġu protteti l-annimali inkwistjoni, kienu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompententi. Fis-17 ta’ April 2023, id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali ġie notifikat bil-każ li seħħ fl-Imsida fis-01:55am. L-Uffiċjali tad-Direttorat waslu fuq il-post kwarta wara l-ewwel talba għall-għajnuna. Għal sagħtejn sħaħ, dawn l-uffiċjali intervjenew, u ħadu l-azzjoni neċessarji akkumpanjati mal-membri tal-Pulizija li kienu preżenti fuq il-post. Minn din l-operazzjoni inġabar kelb mejjet, li ser ikun sottopost għal awtopsja.

Il-Ministeru jfakkar li f’Marzu ta’ 2023, daħlu fis-seħħ numru ta’ emendi tal-Att għat-Trattament Xieraq tal-Annimali biex jissaħħaħ il-qafas leġislattiv u jkunu protetti l-annimali. Dawn l-emendi fost l-oħrajn jippermettu li l-Qorti, fejn xieraq, tipprojbixxi lil kull persuna li tinstab ħatja ta’ reat taħt il-Kapitlu 439 u r-regolamenti sussidarji relevanti, milli żżomm annimali għal perjodu ta’ żmien kif determinat mill-Qorti. Id-Direttorat jista’ wkoll jagħmel talba lill-Qorti sabiex tkun tista’ toħroġ digriet waqt il-kors tal-proċedimenti, jekk tkun sodisfatta illi hemm evidenza prima facie għall-ħruġ tad-digriet kontra dik il-persuna akkużata sabiex tipprojbixxi lill-akkużat milli jżomm annimali sakemm is-sentenza tkun għaddiet f’ġudika.

Finalment, il-Ministeru jħeġġeġ li dawk kollha li għandhom informazzjoni dwar dan il-każ, biex jagħmlu kuntatt mal-awtoritajiet kompetenti. Intant, il-Ministeru ser isegwi bir-reqqa l-investigazzjonijiet tal-Pulizija, kif ukoll dawk tad-Direttorat tat-Trattament Xieraq tal-Annimali, bil-għan li jassigura li kwalunkwe azzjoni meħtieġa fil-konfront ta’ dan il-każ, isseħħ skont il-parametri legali, bil-għan li nkomplu nsaħħu l-ħarsien tal-annimali kollha ġewwa pajjiżna.

Sport