L-Aġenzija ta’ Servizzi Terapewtiċi u tal-Komunità (ACTS) fi ħdan l-FSWS, nediet il-konferenza ‘Reaching out to communities, centering clients’ needs at the heart of our interventions.’L-għan ta’ din il-konferenza huwa li joħloq għarfien dwar is-servizzi tal-aġenzija fil-ħidma fil-komunità u mal-komunitajiet u l-familji, sa mit-twaqqif tagħha fl-2019.
F’din il-konferenza, ġew ippreżentati l-ħsibijiet ta’ persuni li jagħmlu użu mis-servizzi ta’ terapija tal-familja, l-Incredible Years Parenting Programme, social work u social mentoring. Ingħatat ħarsa wkoll lejn il-proġetti li jsiru mal-komunità u kif dawn jaħdmu favur kwalità ta’ ħajja aħjar għall-familji u l-komunitajiet, mibnija fuq is-sisien ta’ żvilupp soċjali sostenibbli.
Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal illi l-istrutturi soċjali għandhom ikunu preparati għal sfidi ġodda – eżempju ewlieni ta’ dan huma l-effetti li qed iġġib magħha l-pandemija Covid-19. Dwar dan, il-Ministru Falzon faħħar is-sehem tal-FSWS għall-mod kif qed iservi ta’ spalla għal persuni li qegħdin ibatu mis-solitudni.
Il-Ministru Michael Falzon żied jgħid li kulħadd għandu rwol fis-soċjetà, u dan il-ħsieb għandu jissarraf f’bażi aktar soda ta’ ġustizzja soċjali fil-qalb tal-komunità.
Sadanittant, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali Alfred Grixti saħaq li t-triq ’il quddiem għall-FSWS, bħala l-aġenzija nazzjonali għall-ħarsien soċjali, hija li tibni xibka ta’ servizzi fil-komunità. Qal li dan fih innifsu huwa mezz ta’ prevenzjoni billi l-professjonisti tagħna fil-komunità huma proattivi u qrib in-nies u b’hekk jilqgħu għall-problemi qabel ma jeskalaw. Is-Sur Grixti temm jgħid li, fuq kollox, dawn l-interventi jiġu ppjanati b’mod li sa mill-ewwel assessjar jiġi determinat f’eżitu pożittiv li għandu jkollu l-intervent, għalhekk outcome measures.
Fl-analiżi tal-ħidma tagħha, l-ACTS dejjem emmnet fuq l-importanza li tħaddem metodi studjati mibnija fuq l-evidenza. Il-metodi tal-użu tal-kejl tal-eżitu huma importanti biex jassiguraw li servizzi qed ikunu ta’ għajnuna għal min ikun qed jagħmel użu minnhom, filwaqt li jagħtu għarfien u kontabbiltà fi tfassil tal-politika u servizzi. Waqt il-konferenza, kien preżenti wkoll Dr Robert Van Hennik li huwa espert f’dan il-qasam.
Minbarra l-konferenza, il-ħaddiema professjonali tal-aġenzija se jkollhom l-opportunità li jattendu għall-taħriġ minn Hennik innifsu. Permezz ta’ dan it-taħriġ, ser jiġu aġġornati fuq metodi ta’ kejl biex wieħed ikun jista’ jifhem aktar l-effettività tal-interventi li jkunu qed isiru mal-klijenti. B’hekk, l-aġenzija tassigura li żżomm il-ħaddiema tagħha aġġornati dwar ‘evidence-based interventions’.