Monday, May 13, 2024

Il-Knisja b’ħidma biex tħajjar liż-żgħażagħ għal ħajja vokazzjonali

Ippreżentati studji dwar it-twemmin taż-żgħażagħ Maltin quddiem l-isfidi tal-lum…

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Diversi saċerdoti, persuni kkonsagrati u lajċi, f’dawn il-ġranet inġabru għall-ewwel darba minn sensiela ta’ laqgħat immirati biex jibdew vjaġġ flimkien ħalli jgħinu lil dawk involuti fil-ministeru tal-vokazzjonijiet jirriflettu aktar fil-fond fuq l-opportunitajiet u l-isfidi li jiltaqgħu magħhom fit-trawwim ta’ aktar vokazzjonijiet.

Waqt il-laqgħa r-riċerkatur Dott. Luke Buhagiar enfasizza fuq l-isfida tal-lum li wieħed jilħaq u jkellem liż-żgħażagħ dwar kwistjonijiet ta’ fidi. Huwa ppreżenta studji dwar it-twemmin taż-żgħażagħ Maltin, kemm fi ħdan il-Knisja kif ukoll f’kuntesti sekulari. 

Il-ħidma mal-ġenerazzjonijiet iż-żgħar tista’ tkun xi ftit aktar ta’ sfida, speċjalment meta wieħed ifittex modi effettivi biex iwassal il-messaġġ tal-Evanġelju. Primarjament, dan minħabba l-mod xi ftit imċajpar li bih iż-żgħażagħ jifhmu l-fidi llum u xi tfisser għalihom li tgħix ta’ Kattoliku fil-ġurnata tal-lum.

Għalhekk, fi ħdan il-Knisja f’Malta, bħalissa għaddejja ħidma biex tissaħħaħ in-network li għadha kif ġiet stabbilita bejn promoturi tal-vokazzjoni differenti li jaħdmu fi ħdan il-Knisja. Dan jinkludi ttrawwim ta’ atmosfera ta’ dixxerniment u formazzjoni kontinwa fost il-promoturi tal-vokazzjonali nfushom, kif ukoll fil-kongregazzjonijiet u l-istituzzjonijiet rispettivi tagħhom.

Dan kollu se jwassal biex jitrawwem spirtu ta’ fraternità tant meħtieġ fil-livelli kollha tal-Knisja bil-għan li din l-għaqda tagħti xhieda u tiġbed iż-żgħażagħ biex jikkonsidraw li joffru ħajjithom lil Alla u lil xulxin.

Kull min jixtieq aktar tagħrif jista’ jżur is-sit: seminaryvocationscentre.mt

Sport