Monday, April 13, 2026

Il-Knisja f’Malta b’appoġġ lejn Papa Ljun wara l-attakk li sar mill-President Trump

Aqra wkoll

“L-Arċisqof Charles Scicluna, bħal ħafna Kattoliċi madwar id-dinja, jinsab imħasseb ferm bl-attakk bla rażan u mhux ġustifikat fuq il-Qdusija Tiegħu l-Papa mill-President tal-Istati Uniti.” Hekk intqal fi stqarrija li ħaġet il-Kurja ta’ Malta wara li l-President Trump qal li hu jaħseb li l-Papa jħobb il-kriminalità u li anke l-Papa mhux jagħmel xogħol tajjeb ħafna.

L-istqarrija tgħid li l-Papa Ljun XIV reġa’ afferma l-pożizzjoni konsistenti tal-Knisja tul iż-żminijiet meta qal: “Il-gwerra tifred; it-tama tgħaqqad. L-arroganza tgħaffeġ lil ħaddieħor; l-imħabba terfa’. L-idolatrija tgħamina; Alla ħaj idawwalna.”

“Il-Q.T. il-Papa qal il-verità sħiħa meta insista li l-Knisja dejjem se tippromwovi l-paċi, “anki meta r-rifjut tal-loġika tal-gwerra jista’ jwassal għal nuqqas ta’ ftehim u għad-disprezz”.

“Il-Papa tkellem b’sens qawwi ta’ umanità meta appella lill-mexxejja dinjin biex “jisimgħu l-ilħna tat-tfal” li ħajjithom inbidlet b’mod irrevokabbli minħabba l-orrur u l-inumanità ta’ azzjonijiet li “xi adulti ftaħru bihom bi kburija”.

Il-Knisja f’Malta tkompli tgħid li f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida, huwa ta’ importanza kbira li dawn il-prinċipji fundamentali jiġu promossi u difiżi, mhux imxekkla jew imnaqqsa fil-valur tagħhom.

“L-Arċisqof wassal it-tħassib tiegħu dwar din il-kwistjoni lill-Ambaxxatriċi tal-Istati Uniti għal Malta u assiguraha li l-Knisja f’Malta tinsab f’rabta ta’ mħabba, fedeltà u sostenn mal-Qdusija Tiegħu l-Papa,” itemm tgħid l-Istqarrija tal-Kurja.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport