Monday, May 13, 2024

“Il-Knisja saret qisha gabbana tat-takeaway tas-sagramenti”

Patri Dumnikan jisħaq li t-tama tal-Knisja hija li tidħol fid-dar tan-nies u tilbes iż-żarbun tagħhom

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem ġie ppubblikat l-istħarriġ dwar l-istat tan-nazzjon maħdum mill-istatistiku Vincent Marmara li minnu ħarġu diversi fatturi dwar il-poplu tagħna u l-ideat tiegħu. Fost dawn il-fatturi nsibu t-twemmin f’Alla u r-reliġjon. L-ORIZZONT tkellem ma’ Patri Aaron Zahra OP li huwa Pirjol tal-Birgu kif ukoll Rettur tal-kulleġġ San Albert il-Kbir li qasam magħna l-ħsibijiet tiegħu b’rabta mar-riżultati ta’ din il-parti tal-istħarriġ.  

“Li aktar minn 90 fil-mija li jemmnu f’Alla huwa inkoraġġanti u ta’ sodisfazzjon, iżda l-punt tiegħu huwa x’idea ta’ Alla għandna f’moħħna. Jien nista’ ngħid li nemmen f’Alla imma fl-aħħar mill-aħħar qiegħed nesperjenzah lill-Alla fil-ħajja tiegħi, qed niskoprih lill-Alla fil-Ħajja tiegħi għax fl-aħħar mill-aħħar it-tagħlim tal-Knisja qiegħed hemmhekk biex iqarribbni lejn Alla”, beda biex jgħid ma’ dan il-ġurnal Patri Aaron Zahra.

In-nies għadha tersaq lejn il-Knisja għas-sagramenti bħalma huwa ż-żwieġ

Huwa qalilna li hija inkwetanti għal dawk li qegħdin iservu lil Alla meta jaraw riżultat bħalma huwa dak li dawk bejn is-26 sena u l-35 sena hemm 12 fil-mija minnhom li qalu li ma jemmnux. Spjega li dan il-fatt jurik li l-Knisja jeħtieġ li xxammar il-kmiem biex titfa’ ħarsitha aktar fuq din il-ġenerazzjoni li tiela’, anke meta nqisu li dawn il-persuni se jkunu l-ġenituri tal-ġenerazzjonijiet li jmiss.

Spjega li fl-opinjoni tiegħu aktar milli ma jemmnux f’Alla, aktar għandhom idea żbaljata tal-Knisja li l-Knisja dejjem negattiva. Għalihom il-Knisja tfisser kontra l-abort, kontra d-divorju, kontra l-ewtanasja. Mistoqsi dwar jekk jistax ikun li għal dan il-grupp ta’ nies il-Knisja tistax tidher li qed tisraq il-libertà tagħhom, il-patri qalilna li fil-verità Alla dejjem ħalliena fil-libertà. 

Il-Patri kompla biex jgħid li l-Knisja saret qisha gabbana tat-take away tas-sagramenti. Innota li minkejja kull statistika, in-nies qiegħda tersaq lejn il-Knisja f’ċertu fażijiet f’ħajjithom bħalma huma l-praċett, il-griżma, il-funerali u ż-żwieġ. Saħaq li l-koppji għadhom iriduh lill-Alla, qed jersqu għas-sagrament taż-żwieġ, iżda għandna problema fil-katekiżmu. Qalilna li hemm persuni li jersqu għas-sagrament taż-żwieġ bil-katekeżi tagħhom ta’ żmien il-mużew. Sostna li hemm bżonn li l-moħħ jiżviluppa u jkun hawn aktar edukazzjoni biex in-nies jedukaw ruħhom fil-fidi biex jonqsu ħafna mistoqsijiet bħalma huma l-valur veru tal-quddies. Hawnhekk il-patri esprima ċertu tħassib dwar il-fatt li 9.1 fil-mija ta’ dawk li għandhom edukazzjoni terzjarja qalu li jgħidu li ma jemmnux f’Alla.

Zahra kkonferma magħna li n-nisa jsibuha iżjed faċli biex jagħmlu esperjenza ta’ fidi mill-irġiel u li dan jidher ċar ukoll mill-attendenza tagħhom għall-quddies u kif qed juri dan l-istudju li sar ukoll. 

Dwar dawk li għandhom inqas livell ta’ edukazzjoni li huma l-iktar li jqisu lill-Alla importanti f’ħajjithom, il-patri qal li għandna l-idea li fl-edukazzjoni l-karriera kultant titla għal rasna li ma nibqgħux inħossu li għandna bżonn lil ħadd fil-ħajja tiegħna. Min-naħa l-oħra jista’ jkun li dawk li m’għandhomx daqshekk karriera fil-ħajja tagħhom jistgħu jagħtu prijorità lill-fidi.

Rigward l-etajiet u t-twemmin f’Alla, il-patri qalilna li hemm tendenza li meta l-bniedem jibda jikber, iżid il-ħsieb tiegħu dwar il-mewt u jibdew jiżdidulu d-dubji dwar ċertu żbalji li jkun għamel fil-passat. Spjega li għalkemm il-perċentwal taż-żgħażagħ li jemmnu huma ferm inqas meta kkumparati mal-anzjani, għandek żgħażagħ li meta sfortunatament jintlaqtu minn mard serju, jduru lejn Alla bħala l-unika sors ta’ tama għalihom. 

Patri Aaron saħaq li huma r-reliġjon u l-fidi li jgħinuna nibnu kuxjenza ffurmata tajba u li sfortunatament li jkollok kważi 54 fil-mija li jgħidulek li ma jikkunsidrawx lil Alla fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom turi li hemm xi ħaġa nieqsa f’din il-formazzjoni. Dan qiegħed iwassal għal ċertu egoiżmu f’dinja ta’ l-ewwel jien, it-tieni jien, it-tielet jien li qed twassal għal problemi soċjali oħra anke fil-formazzjoni tal-familja. Il-patri qal li dawn huma realtajiet li s-saċerdot imiss magħhom fil-ħajja ta’ kuljum fejn għandek persuni li jmorru għad-divorzju bil-mentalità li l-importanti li jtejbu l-ħajja tagħhom. Ikollok persuni li jersqu biex jinfirdu anke jekk b’detriment għall-ħajja tat-tfal għax jagħżlu li jitfgħu l-ħtija fuq il-parti l-oħra u jgħidulek li l-ulied mhux se jbatu tort tagħhom iżda tar-raġel jew il-mara li tkun għażlet li titlaq miż-żwieġ.

Patri Aaron jgħid li wasal iż-żmien li l-Knisja tidħol fid-djar tan-nies u mhux tistennihom imorru għandha

Meta mistoqsi dwar x’jemmen li jista’ jsir biex tinqaleb din is-sitwazzjoni, il-patri spjega li jemmen li l-Knisja trid issir waħda domestika. “Kif jgħid il-Papa Franġisku, jeħtieġ li l-Knisja tkun waħda tal-periferija. Irridu nilbsu ż-żarbun ta’ din il-ġenerazzjoni. Lesti li bħala Knisja nilbsu ż-żarbun ta’ dawk li qed jgħidu li mhux jemmnu biex nifhmu għalfejn ma jemmnux u għalfejn ma jridux ikun jafu bil-Knisja?” kompla biex jgħid il-patri filwaqt li qal li n-nies saru jafu jagħżlu. Tkellem ukoll dwar il-fiduċja tan-nies fis-saċerdot u li sfortunatament minħabba ċertu skandli bħalma huma l-abbużi sesswali minn ftit individwi, il-bqija se jkollhom jitħabtu ħafna aktar f’din il-ħidma biex isibu lin-nagħġa l-mitlufa. 

“Jien għandi regola li l-ħin tat-talb u l-quddies huwa ħin tat-talb u l-quddies, ħin li nieħu flixkun birra maż-żgħażagħ nagħmilha, trid tinżel għal-livell ta’ kulħadd, ma nistgħux nibqgħu iżjed fuq pedestall għax inkella l-Knisja se tmut u s-saċerdot ser jispiċċa waħdu fis-sagristija”, żied jgħid il-patri Dumnikan.

Saħaq li fl-opinjoni tiegħu m’għadux iż-żmien li n-nies tmur għandhom bħala saċerdoti, iżda li s-saċerdoti jmorru għand in-nies, jisimgħu l-weġgħat tagħhom, ikunu ta’ spalla għalihom u jifhmuhom. Qalilna li fost l-eżempji bażiċi, funerali jsiru ħafna kuljum, iżda kemm huma dawk li lesti li jimxu mal-qraba f’dak l-aħħar vjaġġ u forsi jgħinuhom bil-mod tagħhom f’din l-esperjenza li tista’ tħalli vojt kbir f’ħajjithom. Irridu nkunu Knisja li verament tagħmel mixja mal-poplu.

Sport