Saturday, November 23, 2024

Il-Knisja tagħmel il-quddiesa tal-funeral anke għal min jagħżel il-kremazzjoni

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn CARMEN CACHIA

Għal ħafna snin parti sostanzjali mill-popolazzjoni Maltija esprimiet ix-xewqa li f’pajjiżna jkollna s-servizz tal-kremazzjoni fejn meta persuna tmut, minflok il-fdalijiet jindifnu f’tebut, dan jinħaraq u l-irmied jitpoġġew f’urna. Il-biża’ ta’ ħafna Kattoliċi, però, hija li ladarba persuna tagħżel li tkun kremata, il-Knisja Kattolika f’Malta ma tagħmilx il-quddiesa tal-funeral tal-mejjet. Dan is-sit għamel kuntatt mal-Kurja fejn qalet li l-Knisja tippermetti li jsiru funerali f’każi ta’ kremazzjoni, iżda idealment u dejjem jekk ikun possibbli, il-kremazzjoni ssir wara l-funeral.

Kelliema għall-din l-awtorità reliġjuża lokali qalet li hija tippermetti kremazzjoni, “sakemm l-għażla għall-kremazzjoni ma tkunx riżultat ta’ ċaħda ta’ fidi fil-qawmien mill-imwiet, jew inkella għal raġunijiet li jmorru kontra t-tagħlim Nisrani”.

Il-Kurja qalet li l-kremazzjoni ssir wara l-quddiesa tal-funeral jew bl-irmied tal-persuna preżenti fil-knisja meta ċ-ċirkostanzi ma jippermettux li ssir wara. Qalet ukoll li huwa importanti li l-irmied jitqiegħed f’post sagru bħalma huwa ċimiterju.

Għandna l-liġi iżda m’għandniex il-faċilità

Għalkemm il-liġi tal-kremazzjoni f’Malta daħlet fis-seħħ, il-Ministeru tas-Saħħa infurmana li għad m’hemm ebda operatur li joffri dan is-servizz. Il-liġi ilha li ħarġet is-sena li għaddiet u tirregola l-kremazzjoni ta’ fdalijiet umani f’Malta. 

Ħafna nies jippreferu li, wara mewthom, il-fdalijiet tagħhom ikunu kremati flok issirilhom id-difna tradizzjonali. Uħud mill-persuni li tkellmu ma’ dan il-ġurnal qalu li huma jippreferu li l-irmied tagħhom jinxtered f’postijiet li f’ħajjithom kienu jħobbu, fosthom fil-baħar, f’xi ġnien jew anke f’pajjiż differenti. Oħrajn qalu li l-idea li l-ġisem jittiekel mid-dud tkexkixhom, mentri ambjentalisti jħossu li l-kremazzjoni hija aktar favur l-ambjent u sostenibbli bħala spazju minħabba li pajjiżna huwa żgħir. 

Is-servizz tal-kremazzjoni, ladarba jkun disponibbli f’pajjiżna, se jkollu standards speċifiċi fosthom li l-kremazzjoni tista’ ssir biss fi krematorju liċenzjat u li l-operatur huwa fl-obbligu li jara li l-fdalijiet umani kollha jkunu trattati b’dinjità u rispett fil-ħinijiet kollha li jkunu fil-krematorju.

Il-liġi titlob li kull krematorju jkollu kamra mortwarja, kamra tal-espożizzjoni u faċilitajiet oħra adegwati għall-proċess komplut. 

Iċ-ċertifikati ta’ liċenzja għal operaturi ta’ krematorji joħorġu mis-Supritendent tas-Saħħa Pubblika u jkunu validi għal ħames snin. Permezz ta’ din il-liġi, ladarba jkun hemm operatur li jibda joffri dan is-servizz, se jkun hemm reġistru nazzjonali tal-kremazzjoni biex tinżamm fost l-oħrajn lista’ ta’ persuni li jgħixu f’Malta u jkunu jixtiequ li jkunu kremati wara mewthom.

Sport