Sunday, November 24, 2024

Il-Knisja tagħti proprjetà ta’ €25 miljun lil The Malta Trust Foundation

… biex toħloq ċentru ta’ empowerment għal tfal u żgħażagħ b’diżabilità

Aqra wkoll

IĊ-ĊENTRU TAL-MUŻIKA VILLABIANCA SE JIMXI GĦAL DAR SAURA BIEX TONQOS IL-LISTA TA’ STENNIJA
 
Dar Saura fir‑Rabat se tinbidel f’ċentru ta’ empowerment għal tfal u żgħażagħ b’diżabilità wara li l‑Arċidjoċesi ta’ Malta għaddiet din il‑proprjetà, li tiswa miljuni ta’ ewro, lil The Malta Trust Foundation għal 65 sena.

Din id‑dar tas‑seklu 17, li sa ftit xhur ilu kienet isservi bħala dar għall‑anzjani, se tieħu l‑ħajja mill‑ġdid bid‑daħk u l‑mużika tat-tfal u taż‑żgħażagħ meta Villabianca, l‑ewwel Ċentru tax-xorta tiegħu f’Malta għall‑mużika u l‑arti għal tfal u żgħażagħ b’diżabilità, se titmexxa fiha biex tindirizza l‑lista twila ta’ stennija.

Id‑deċiżjoni tal‑Arċidjoċesi li tgħaddi l‑proprjetà — b’valur ta’ €25 miljun u li tkopri medda ta’ 5,500 metru kwadru — ġiet konkluża llum waqt ċerimonja tal‑iffirmar li saret fil‑preżenza tal‑Arċisqof Charles J. Scicluna u l-Fundatriċi u ċ‑Chairperson ta’ The Malta Trust Foundation Marie‑Louise Coleiro Preca.

“Proprjetà tal‑Knisja tintuża bl‑aħjar mod meta l‑għan ewlieni tagħha jkun skop soċjali, speċjalment biex tgħin lil dawk li għandhom bżonn l‑aktar għajnuna. Nittama li permezz tat‑tmexxija ta’ The Malta Trust Foundation, Dar Saura ssir ċentru mill‑aktar avvanzat li jagħti s‑setgħa lit‑tfal u liż‑żgħażagħ b’diżabilità biex jimpenjaw ruħhom fil‑ħiliet tagħhom, u jiskopru u jilħqu l‑potenzjal sħiħ tagħhom permezz tal‑mużika u l‑arti,” qal l‑Arċisqof.

Din il‑proprjetà, li hi skedata bħala bini ta’ Grad 1, qed tingħata b’self bla ħlas (fuq bażi ta’ commodatum) lill‑Fondazzjoni, li se tkun qed tapplika għal fondi pubbliċi u tal‑Unjoni Ewropea biex tirrestawra u ttejjeb id‑dar, inkluż l‑kappella ddedikata lil San Nikola.

Dar Saura, li se tiswa madwar €10 miljun biex tiġi kkonvertita, se tkun rinovata bil‑għan li fiha jkunu jistgħu jsiru diversi attivitajiet mingħajr ma jiġi affettwat l‑istatus ta’ Klassi A tal‑proprjetà.

Is‑Sinjura Coleiro Preca ddeskriviet il‑ftehim bħala wieħed storiku li se jpoġġi lil Malta bħala ċentru fil‑Mediterran għat-tfal u għaż‑żgħażagħ, li minħabba l‑isfond jew id‑diżabilità tagħhom sabuha diffiċli jiżviluppaw il‑potenzjal tagħhom.

“Dan huwa ftehim importanti u ninsabu emozzjonati ħafna bil‑ġest ġeneruż tal‑Knisja. Il‑ħolma tiegħi hi li nara li dan iċ‑ċentru jsir one‑stop‑shop għall‑familji biex jaraw lil uliedhom b’diżabilità jirnexxu; post fejn jistgħu jikbru, jiżviluppaw il‑kapaċitajiet tagħhom u jingħataw is‑setgħa li jirnexxu fis‑soċjetà. B’dan il‑mod nuru li kull ħlejqa tal‑Mulej għandha skop fid‑dinja,” qalet Coleiro Preca.

“Il‑ħolma tiegħi hi li pajjiżna jindirizza l‑lakuni u l‑isfidi li jiltaqgħu magħhom t‑tfal u ż‑żgħażagħ b’diżabilità mil‑lat soċjali, u li huma ostaklu għall‑kwalità ta’ ħajjithom.

“Nixtieq verament li nkunu nistgħu nbiddlu ħajjet dawn it‑tfal u żgħażagħ, kif ukoll il‑mentalità ġenerali biex kulħadd jifhem il‑potenzjal kbir tiegħu. Il‑ħolma tiegħi hi li kull tifel u tifla f’pajjiżna, huma x’inhuma l‑abilitajiet tagħhom, ikollhom aċċess għall‑appoġġ meħtieġ biex jilħqu l‑potenzjal kollu tagħhom.”

Meta s‑Sinjura Coleiro Preca fetħet Villabianca, iċ‑Ċentru għall‑Mużika u l‑Arti, f’Novembru 2021, ma bassritx li l‑postijiet kollha se jimtlew fi ftit jiem, meta applikaw aktar minn 150 tifel u tifla.

Iċ‑ċentru tant kiber li bħalissa hemm lista ta’ stennija ta’ 250 persuna. Meta sentejn oħra jiftaħ Ta’ Saura Empowerment Hub, ikun jista’ jilqa’ sa 500 tfal u żgħażagħ li taħt gwidi esperti jistgħu jesploraw il‑qawwa terapewtika tal‑mużika, iż‑żfin u l‑arti.

Minbarra dan kollu, il‑medda kbira ta’ art ta’ Dar Saura se tippermetti lill‑Fondazzjoni biex toħloq ċentru għal occupational therapy, intrapriża soċjali, swali għat‑taħriġ, petting farm u kamra multisensorjali. Eventwalment, il‑pjan hu li jkun hemm ukoll appartamenti żgħar għal terapisti barranin tal‑mużika u professjonisti oħra li jaħdmu fiċ‑ċentru, kif ukoll spazju għall‑workshops.

Se jinfetħu wkoll kafetterija u ristorant, li se jkun finanzjarjament aċċessibbli għall‑familji, u jitmexxew speċifikament minn żgħażagħ b’diżabilità.

Din hi t‑tieni darba f’ħames snin li l‑Arċidjoċesi ta’ Malta qed tagħti proprjetajiet biex tgħin lill‑NGOs li qed jagħmlu differenza tanġibbli fil‑ħajja tan‑nies. Fl‑2019, l‑Arċisqof għadda l‑bini tal‑Knisja, magħruf bħala l‑Istitut Adelaide Cini f’Santa Venera, lil Hospice Malta. Il‑proprjetà qed tintuża biex jinħoloq is‑St Michael Hospice, l‑ewwel kumpless mill‑aktar modern li jipprovdi kura paljattiva komprensiva. Dan il‑proġett riesaq lejn tmiemu.

Sport