Miktub Minn Claudio Coleiro
Matul din is-sena, is-Safeguarding Commission fi ħdan il-Knisja rat żieda fl-ammont ta’ lmenti li rċeviet b’rabta ma’ aġir mhux xieraq ta’ qassisin.
Kien il-Kap tas-Safeguarding Commission Andrew Azzopardi li żvela dan meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet ta’ L-ORIZZONT waqt it-tnedija tar-rapport annwali tal-Kummissjoni għas-sena 2018 u l-2019.
“Aħna naraw biss allegazzjonijiet interni fil-Knisja. L-allegazzjonijiet li rċevejna mhux biss f’din il-pandemija ġraw imma jkunu ġraw ħafna snin qabel ġeneralment,” tenna Azzopardi.
“Li nafu minn kollegi kemm lokalment kif ukoll fuq livell internazzjonali li l-każi ta’ abbużi fil-familja u każi ta’ vjolenza domestika fost oħrajn żdiedu b’mod allarmanti. Allura iktar u iktar hemm bżonn li jkun hemm strutturi li jaħdmu u għamilna passi ta’ ġgant f’dawn l-aħħar sentejn.”
Intant, mir-rapport tas-Safeguarding Commission jirriżulta li l-Knisja imponiet restrizzjoni fuq erba’ persuni fl-2018 u restrizzjoni fuq persuna oħra fl-2019. Dawn il-każijiet, fejn l-allegazzjoni ta’ abbuż sesswali ġiet sostanzjata, kienu jinvolvu saċerdoti djoċesani, saċerdoti reliġjużi u lajċi.
Apparti minn hekk, kien hemm ukoll tliet restrizzjonijiet oħra dwar abbuż fiżiku u emozzjonali, u ta’ prattika ħażina. Azzopardi spjega li dawn il-każijiet kollha ġew referuti lill-awtoritajiet ċivili.
Allegazzjonijiet fl-2018
Il-Kap tas-Safeguarding Commission qal li fl-2018, il-Kummissjoni rċeviet 19-il allegazzjoni ġdida li jinvolvu minuri u 10 li jinvolvu adulti vulnerabbli.
Il-Kummissjoni kkonkludiet 17-il evalwazzjoni li jinvolvu l-minuri. Minn dawn l-ilmenti, sitta ġew sostanzjati, wieħed kien jitratta kwistjoni ta’ prattika ħażina, erbgħa kienu infondati, tnejn ma kinux sostanzjati, wieħed kien jinvolvi persuna li mhix impjegata tal-Knisja u tlieta ġew referuti lil terzi persuni minħabba li ma kinux relatati ma’ safeguarding.
Fl-istess sena, mill-10 evalwazzjonijiet li saru ta’ adulti vulnerabbli, sebgħa minnhom ġew referuti għal terzi persuni peress li ma kinux kwistjoni ta’ safeguarding, wieħed ma kienx sostanzjat, wieħed kien infondat u l-ieħor kien kwistjoni ta’ prattika ħażina.
Allegazzjonijiet fl-2019
Azzopardi kompla jispjega li matul is-sena li għaddiet, daħlu 16-il allegazzjoni li jinvolvu minuri u tmienja li jinvolvu adulti vulnerabbli.
Dwar il-minuri, il-Kummissjoni kkonkludiet tmien evalwazzjonijiet, fejn sabet li tnejn minnhom kienu sostanzjati, tnejn ma kinux sostanzjati u wieħed fejn il-persuna ma kinitx impjegata tal-Knisja. Ilment ieħor kien jinvolvi xi ħadd li kien miet u f’żewġ ilmenti oħra ma setgħetx tiġi identifikata l-persuna minħabba nuqqas ta’ informazzjoni.
Il-Kummissjoni kkonkludiet tliet evalwazzjonijiet li jinvolvu adulti vulnerabbli, fejn tnejn minnhom ma ġewx sostanzjati u wieħed kien infondat.
Azzopardi tenna wkoll is-sejħa għat-twaqqif ta’ awtorità ċentralizzata biex taqsam tagħrif dwar persuni li jistgħu jkunu ta’ riskju għat-tfal u adulti vulnerabbli bejn għaqdiet. “Mill-esperjenza tal-Knisja f’dawn l-aħħar snin, l-uniku mod ta’ kif verament tista’ tgħin u tagħti vuċi lil vittmi ta’ abbuż hu billi taffaċċja din il-pjaga b’mod trasparenti.”
Reviżjoni tal-policy tal-Knisja dwar is-safeguarding
Il-Kap tas-Safeguarding Commission semma wkoll kif f’Ottubru li għadda, beda jiġi offrut ċertifikat ġdid fil-Ħarsien tat-Tfal u ż-Żgħażagħ mill-Università ta’ Malta. Dan sabiex tkompli tibni kultura pożitiva ta’ ħarsien u għarfien fis-soċjetà.
Minbarra din l-inizjattiva, is-Safeguarding Commission kompliet tħarreġ l-impjegati tal-Knisja. Matul l-2018 u l-2019, tħarrġu total ta’ 966 għalliem, katekist, reliġjuż, seminarist u voluntier. Bħala parti mill-proċess mitlub bil-liġi għall-għaqdiet li jaħdmu mal-minuri, il-Kummissjoni vverifikat li 4,451 persuna li jaħdmu fil-Knisja jissodisfaw il-kriterji mitluba biex jaħdmu mal-minuri.
Azzopardi temm jgħid li f’dawn l-aħħar sentejn, il-Kumissjoni wettqet ukoll reviżjoni tal-policy tal-Knisja dwar is-safeguarding u tinsab fil-proċess li tippubblikaha fil-bidu tas-sena d-dieħla.