Friday, December 13, 2024

Il-Knisja tgħid li huwa inuman u llegali li n-nies jitħallew mitluqa bejn sema u ilma

Tgħid li lesta toffri għajnuna lill-migranti maqbuda fuq il-baħar

Aqra wkoll

Il-Knisja f’Malta permezz tal-Kummissjoni Migranti, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi u l-JRS appellat lill-awtoritajiet biex jieħdu azzjoni immedjata u jassiguraw li l-persuni li qed ifittxu l-ażil, li bħalissa jinsabu maqbuda bejn sema u ilma, jingħataw kenn u jiġu salvati.

Permezz ta’ stqarrija l-Knisja qalet: “Il-ġimgħa li għaddiet ’il fuq minn 220 tfal, nisa u rġiel ġew salvati minn Sea Eye miż-żona ta’ tfixxija u salvataġġ Maltija għadhom maqbuda bejn sema u ilma, f’kundizzjonijiet ta’ temp li qed jiggravaw, wara li Malta rrifjutat li tagħti aċċess fil-portijiet tagħha. Ilbieraħ Alarm Phone rrappurtaw li hemm li 70 persuna oħra li jinsabu f’diffikultà u qed jitolbu għall-għajnuna fiż-żona ta’ tfixxija u salvaġġ Malti.”

Il-Knisja f’Malta qalet li temmen bis-sħiħ li huwa inuman u llegali li n-nies jitħallew mitluqa bejn sema u ilma, u żiedet tgħid li l-esperjenza turi li din l-istrateġija ma sservix ta’ deterrent biex tieqaf il-migrazzjoni sfurzata iżda tipperikola l-ħajja bla bżonn.

“Kif ilha tagħmel matul dawn l-aħħar snin, il-Knisja f’Malta lesta toffri l-għajnuna u s-servizzi tagħha, kif ukoll takkomoda numru ta’ persuni li qed ifittxu l-ażil fil-proprjetajiet tagħha, fejn bħalissa qed tilqa’ madwar 250 persuna. Għalhekk, qed isir appell mill-qalb lill-Gvern Malti u lill-awtoritajiet responsabbli biex ma jpoġġux il-ħajja tan-nies f’riskju permezz ta’ negozjati politiċi u diplomatiċi. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni Ewropea hi mħeġġa żżid l-isforzi ta’ solidarjetà fost l-istati membri, sabiex tkun tista’ ssalva l-ħajjiet u ttaffi l-pressjoni minn fuq il-pajjiżi tal-fruntiera.”

Ekonomija

Sport