Thursday, May 22, 2025

IL-KOBBLA MĦABBLA BIEX TINSTAB IL-PAĊI FIL-KUNFLITT TAL-UKRAЈNA  

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem kellna l-iżvilupp fil-każ tal-gwerra fl-Ukrajna bil-kuntatt bejn il-President tal-Istati Uniti Donald Trump u l-President Russu Vladimir Putin.

Kien rappurtat li kien hemm qbil li b’mod immedjat jibdew negozjati għal waqfien mill-ġlied. Ir-Russja minn naħa tagħha qiegħda tgħid li dan irid jieħu ammont ta’ żmien, bl-Unjoni Ewropea ma tgħinx hekk kif ħabbret sanzjonijiet ġodda kontra r-Russja.


Waqt li kien għaddej dan, kellna imbagħad messaġġi oħra minn Dmitry Medvedew, id-Deputat Ċermen tal-Kunsill tas-Sigurtà tar-Russja. Hu iddikjara b’mod ċar li t-talbiet Russi  ilhom jeżistu u dawn ifissru il-kapitulazzjoni sħiħa tal-Ukrajna.

Ir-Russja qiegħda ssostni li t-teħid ta’ Donetsk, Luhansk, Zaporizhia, u Kherson u l-Krimea kienu azzjonijiet  leġittimi skont il-liġi internazzjonali.  Ir-Russja qiegħda titlob lill-Ukrajna tiddemilitarizza l-front attwali, tirrifjuta l-għajnuna militari barranija, u tiċħad l-iskjeramenti Ewropej għaż-żamma tal-paċi fl-Ukrajna.

Ir-Russja tikkunsidra l-iskjerament tal-forzi Ewropej bħala theddida militari u tikkategorizza l-iskjeramenti futuri tal-forzi Ewropej fl-Ukrajna bħala miri militari leġittimi.


Id-dikjarazzjonijiet ta’ Medvedev jindikaw biċ-ċar ħafna li  r-Russja ma abbandunatx l-għanijiet oriġinali tagħha fl-Ukrajna, li jinkludu d-“demilitarizzazzjoni” u d-“denazifikazzjoni” tal-Ukrajna, l-iżgurar tar-rikonoxximent internazzjonali ta’ partijiet kbar tan-nofsinhar u l-lvant tal-Ukrajna bħala territorju Russu, u status permanenti ta’ mhux allinjat għall-Ukrajna.


U waqt li kienu għaddejjin dawn l-isforzi biex forsi jieqaf il-ġlied mill-Unjoni Ewropea, li suppost twaqqfet biex ikun hemm il-paċi fl-Ewropa, komplejna nisimgħu b’aktar pjani ta’ għajnuna f’armamenti lill-Ukrajna. 

Komplejna nisimgħu aktar il-messaġġi mhux ta’ paċi imma ta’ kunflitt. Filfatt l-Italja approvat il-ħdax-il pakkett ta’ għajnuna militari għall-Ukrajna, li se jinkludi sistema waħda ta’ difiża tal-ajru u tal-missili SAMP/T, 400 trasportatur armat tal-persunal M-113, u munizzjon.

Il-maniġer tal-intrapriża tad-difiża tal-istat Ukren Ukroboronprom irrapporta fl-20 ta’ Mejju li ffirma memorandum ta’ kooperazzjoni mal-manifattur Belġjan tal-munizzjon KNDS Belgium biex jikkoordina l-assemblaġġ konġunt ta’ munizzjon ta’ kalibru medju għal kanuni awtomatiċi.


Biex tikkomplika s-sitwazzjoni,  rajna kif l-Unjoni Ewropea  u r-Renju Unit (UK) ħabbru diversi pakketti ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja fl-20 ta’ Mejju.  Il-pakkett huwa l-akbar wieħed tal-Unjoni Ewropea li jimmira lejn il-flotta Russa u s-settur tal-enerġija u militari-industrijali Russu.


Wieħed irid jara issa dawn x’effett se jkollhom fuq id-diskussjonijiet ta’ paċi. Mhemm ebda dubju li r-Russja hi urtata bis-sanzjonijiet il-ġodda u bil-mod kif baqgħet taġixxi l-Unjoni Ewropea bl-għoti ta’ armamenti għall-Ukrajna.


Din il-gwerra issa tinsab fir-raba’ sena tagħha. Ħalliet marka qerrieda fuq iż-żewġ nazzjonijiet. Din il-gwerra, li għalkemm dehret li bdiet ħabta u sabta, kienet ilha tinġemgħa bil-mod il-mod.  Dik li xi wħud bassru li kienet gwerra li ma kellhiex iddum, spiċċat f’katastrofi umana.

Għalkemm l-istatistika tal-imwiet u l-feruti tvarja ħafna, illum hemm qbil ġenerali li l-imwiet u dawk feruti f’din il-gwerra qabżu l-miljun persuna.  L-informazzjoni li tinħareġ mir-Russja.u l-Ukrajna dwar l-imwiet u dawk feruti tintlaqa’ b’xettiċiżmu.

Stimi minn sorsi indipendenti jistmaw xejn inqas minn 80,000 suldat inqatlu f’dan il-kunflitt u madwar 400,000 kienu feruti. Fejn jidħlu ir-Russi naraw li dawn mitulhom mal-200,000 suldat waqt li madwar 400,000 oħra kienu feruti. Ma’ dawn hemm xejn inqas minn 6 miljun Ukren li kellhom jitilqu mill-pajjiż.


Kien kunflitt li sa mill-bidu tiegħu rajna l-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea jwarrbu u jiżolaw lir-Russja. Rajna l-mod kif għamlu sanzjonijiet u li minnhom batew bil-kbir ċittadini ordinarji Russi. Rajna  kif ir-Russja bdiet tiġi litteralment iżolata mill-Punent.  Iżolament min kull lat, politiku u anke kulturali. 

Mill-banda l-oħra, l-Ukrajna kienet qiegħda tiġi mgħejjuna b’armamenti mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u mill-Istati Uniti.


Għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea u minn pajjiżi membri, ammont għal xejn inqas min $154 biljun f’għajnuna finanzjarja, militari, umanitarja u assistenza għal refuġjati.


Hi kontradizzjoni kbira li din l-Unjoni Ewropea li twaqqfet fuq is-solidarjetà u bil-għan li ma jerġax ikun hemm gwerra fl-Ewropa, tispiċċa, tagħti xejn inqas minn $52 biljun f’għajnuna militari. Għajnuna militari li tvarja minn munizzjon, sistemi għad-difiża mill-arju, tankijiet tal-gwerra u ajruplani tal-gwerra.

Ovvjament l-użu tagħhom, iħalli biss vittmi – suldati tan-naħa opposta u vittmi ċivili. Din l-Unjoni Ewropea mibnija fuq is-solidarjetà għax din hi essenzjali biex l-Istati membri ikollhom il-paċi u s-sigurtà, spiċċat tintervjeni direttament f’dan il-kunflitt, b’armamenti u anke tħarreġ suldati Ukreni u dan biex iżommu l-offensiva Russa.

Tat messaġġi, ħżiena b’mod kontinwu għax għalkemm tat għajnuna lir-refuġjati Ukreni – dik l-għanuna swiet $18-il biljun, ħafna inqas, li hi terz tal-għajnuna finazjarja għat-tagħmir militari.


Minkejja l-katastrofi umana ta’ din il-gwerra, rajna fix-xhur li għaddew li ma kienx hemm rieda biex din il-gwerra tieqaf.  Mhux talli hekk talli kien hemm l-interess kollu li l-gwerra titkompla.


L-interess tal-Istati hu dak li ma joħroġ ebda rebbieħ minn dan il-kunflitt. L-Unjoni Ewropea riedet rebħa Ukrena. Il-mod kif ittawwal il-kunflitt ħoloq pressjonijiet finanzjarji fuq il-pajjiżi u anke pressjonijiet miċ-ċittadini.
Proprju  fl-aħħar sigħat  rajna l-bieb tan-negozjati għall-paċi jerġa’ jitbexxaq. 

Rajna l-kuntatt li sar bejn il-President Amerikan Donald Trump u Vladimir Putin.  Kien rappurtat dan jista’ jitqies bħala eżitu pożittiv.


Ovvjament wieħed irid jistenna n-negozjati biex jara x’se jkun ir-riżultat. M’hemmx dubju li l-Ukrajna se tkun qiegħda f’pożizzjoni dgħajfa ħafna. Pożizzjoni li hi magħrufa li mingħajr għajnuna mill-pajjiżi Ewropej se tkun diffiċli għaliha li tibqa’ tirreżisti. Minkejja ċaqlieq żgħir, iż-żewġ naħat baqgħu staġnati f’dan il-kunflitt mingħajr ma jagħmlu avvanzi.


It-tama hi li s-sens komun jirrenja u dan il-kunflitt jieqaf. Jiddependi minn ħafna fatturi, fosthom il-pajjiżi Ewropej u jekk dawn hux se jibqgħu jagħmlu sanzjonijiet u azzjonijiet li jurtaw lir-Russja.

Il-fatt li f’Jum ir-Rebħa għar-Russi, Ministri tal-Affarijiet Barranin marru fl-Ukrajna xejn ma niżlet tajjeb għan-naħa Russa.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport