Sunday, November 24, 2024

Il-Koħħu u Keith Desmond Falzon fil-Qorti wara ġlieda fil-ħabs

Aqra wkoll

Vincent Muscat il-Koħħu u Keith Desmond Falzon mistenni li jixhdu fi proċeduri kriminali dwar ġlieda li nqalgħet bejniethom fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, li fiha Falzon allegatament ingidem minn Muscat.

Muscat bħalissa qed jiskonta sentenza ta’ 15-il sena priġunerija wara li ammetta l-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Falzon qed jiskonta perjodu fuq reati relatati mad-droga u pornografija tat-tfal. 

Iż-żewġt irġiel ġew imressqa mill-Ispettur Paul Camilleri f’seduta tad-Distrett ta’ Raħal Ġdid quddiem il-Maġistrat Nadia Lia. Il-Qorti semgħet lit-tabib tal-Faċilità jixhed kif nhar is-16 ta’ Novembru 2021, għall-ħabta tal-11.00 a.m., Falzon kien allega li kien ingidem minn Muscat. Xehed ukoll li Falzon beda jkun arroganti miegħu. 

“Rajt il-ferita imma rrifjutajt li nagħmel rapport mediku minħabba l-imġiba tiegħu,” qal it-tabib. Huwa iżda kkonferma fil-Qorti li kien ra marka ta’ gidma fuq l-id ix-xellugija. Żied jgħid li kien issuspetta wkoll li l-gidma setgħet ġiet ikkawżata minnu stess.

it-tabib qal lill-Qorti li kien irrefera lll-akkużat fiċ-ċentru tas-saħħa ta’ Raħal Ġdid biex jiġi kkurat minn tabib tal-għażla tiegħu. “Bħala tabib inħoss li għandi bżonn il-fiduċja tal-pazjenti tiegħi,” saħaq ix-xhud.

Sadanittant, fil-Qorti ntwera filmat tas-CCTV tal-ġlieda, fejn Muscat deher allegatament jimbotta lil Falzon, li juża l-krozzi biex jimxi. Falzon imbagħad deher ineħħi l-ġakketta u jissielet ma’ Muscat. Eventwalment iż-żewġt irġiel spiċċaw mal-art, b’Muscat jispiċċa fuq l-ieħor. L-uffiċjali korrettivi waqqfu l-ġlieda, li damet ftit sekondi biss.

Il-każ ikompli f’Marzu. 

Sport