Friday, April 19, 2024

Il-kolesterol għoli fid-demm

Aqra wkoll

Minn Dr GEORGIANA FARRUGIA BONNICI, Radjografa u Tabiba

Il-kolesterol huwa tip ta’ xaħam li jiġi magħmul mill-ġisem uman, fuq bażi kontinwa, minħabba li jifforma parti essenzjali mill-membrani taċ-ċelloli, u kif ukoll jintuża għall-formazzjoni ta’ ċerti ormoni, u tipi ta’ aċti, bħal dawk li jinsabu fil-fwied u fil-marrara.

Min-naħa tad-dieta, is-sors ewlieni tal-kolesterol jiġi primarjament minn xaħmijiet derivati mill-annimali, bħall-ħalib, isfra tal-bajd, ġobnijiet, laħam, partikolarment dak ta’ kulur aħmar, u kif ukoll, mill-frott tal-baħar. Ikel ieħor ipproċessat, bħall-pizza, butir, jew pastizzi, ukoll huwa għoli fil-livelli ta’ xaħam. Għaldaqstant, huwa importanti ferm li wieħed joqogħod attent kemm jikkonsma xaħam fl-ikel tiegħu ta’ kuljum. Dan għax, kif diġà semmejna, il-ġisem diġà jkun qed jipproduċi l-kolesterol kuljum, allura; dak ix-xaħam kollu li nikkunsmaw minn diversi sorsi ta’ ikel, huwa pjuttost żejjed.

Il-kolesterol, jew inkella, ix-xaħam għoli fid-demm, huwa riskju maġġur għall-mard kardjovaskulari minħabba li dan jgħin biex jidjieq id-dijametru ta’ diversi arterji prinċipali, u biż-żmien, dan jista’ jwassal għal nuqqas ta’ ċirkolazzjoni tad-demm għall-organi vitali, bħall-moħħ, jew il-qalb, u jikkaġuna mard serju, bħall-puplesiji, attakki tal-qalb, jew djuq fl-arterji tas-saqajn.

Għalhekk, huwa siewi li wieħed jiċċekkja l-livell ta’ xaħam fid-demm, b’mod regolari. B’sempliċiment test tad-demm, it-tabib jista’ jkun jaf jekk wieħed ikunx qed ibati minn kolesterol għoli, li normalment ma jkun qed jikkaġuna l-ebda sintomi, sakemm ma jkunx tard wisq. Meta wieħed jinterpreta ir-riżultat tad-demm, ikun irid iħares lejn il-livell totali ta’ kolesterol fid-demm, li normalment irid jkun bejn 2-5 mmol/l. Però, huwa importanti wkoll li wieħed iżomm il-livelli ta’ kolesterol hekk imsejjaħ ħażin, li jiġi primarjament mil-‘Low Density Lipoprotein’, u t-‘Triglycerides’, baxxi kemm jista’ jkun. Diversi studji juru li dawn iż-żewġ tipi ta’ xaħam fid-demm, jagħmlu iktar ħsara lill-ġisem, meta jiġu kkumparati mal-kolesterol it-tajjeb, jew ahjar il-‘High Density Lipoprotein.’

Sabiex wieħed iżomm il-livell ta’ xaħam fid-demm baxx, għandu jfittex li jitlef il-piż żejjed, u jirregola d-dieta tiegħu billi jiekol ikel mhux ipproċessat, li huwa baxx fix-xaħmijiet. Wieħed għandu wkoll jevita li jadotta stil ta’ ħajja sedentarja u jżid l-attività fiżika. Jekk wieħed minn tal-inqas jagħmel bejn 30-60 minuta ta’ eżerċizzju fiżiku, imqar minn tliet sa ħamest ijiem fil-ġimgħa għandu jkun biżżejjed.

Jekk dawn l-attentati jfallu, u l-livell ta’ kolesterol fid-demm xorta jibqa’ għoli, it-tieni pass huwa li wieħed iżur lit-tabib tiegħu, sabiex tkun tista’ tingħata mediċina, bħal ‘Statins’ jew ‘Fibrates’, li tgħin biex wieħed inaqqas il-livelli ta’ xaħam għoli fid-demm.

Sport