Thursday, December 19, 2024

Il-kollass tal-mina fl-Indja… it-tħaffir se jissokta b’mod manwali biex jiġu salvati l-ħaddiema maqbuda

Aqra wkoll

Il-ħidma ta’ salvataġġ biex jinħarġu 41 ħaddiem li jinsabu maqbuda f’mina fl-istat ta’ Utarrakhand fl-Indja se jkollha tittardja b’xi jiem wara li seħħet ħsara fil-magna li biha kienu qed iħaffru ġewwa l-mina. Qed ikun irrapportat li l-ħaddiema tas-salvataġġ se jibdew iħaffru b’mod manwali ladarba titneħħa l-magna.

Il-ħaddiema li jinsabu maqbuda fil-mina issa ilhom hemm ġew minn tal-inqas ġimagħtejn. L-operazzjoni li għaddejja sabiex dawn il-ħaddiema jkunu jistgħu jinħarġu hija waħda li qed taffaċċja bosta intoppi anke minħabba l-ammont ta’ blat, ġebel u metall li hemm qalb it-tifrik.

Arnold Dix, espert fit-tħaffir tal-mini u li qed jgħin ukoll fil-ħidma ta’ salvataġġ, qal lill-ġurnalisti li kienu fuq il-post illi l-magna li biha kienu qegħdin iħaffru ġratilha xi ħsarat u li ma tistax tissewwa.

Huwa iżda jinsab kunfidenti li l-41 persuna se jiġu salvati, billi stqarr li “hemm diversi modi” ta’ kif jistgħu jaslu ħdejhom. Għadu mhux ċar jekk hemmx magna tat-tħaffir oħra disponibbli jew inkella tiħux ħafna żmien biex tinġieb waħda ġdida.

Il-ħaddiema tas-salvataġġ kienu jinsabu biss disa’ metri bogħod minn fejn kienu jinsabu l-ħaddiema l-oħra, qabel il-magna ġratilha l-ħsara. Pushkar Sigh Dhami, Ministru tal-Istat ta’ Uttarakhand, qal lill-ġurnalisti li sal-Ħadd filgħodu din il-magna se tkun qiegħda titneħħa minn fuq il-post, li tippermetti sabiex il-ħidma ta’ salvataġġ tissokta manwalment.

Is-Sur Dhami qal li huwa rnexxielu jkellem lill-irġiel li jinsabu maqbuda fil-mina u assigura li jinsabu “tajbin”. Min-naħa tagħhom, huma qalulu sabiex idumu kemm hemm bżonn u “ma jinkwetawx” dwarhom.

Sadanittant, diversi ambulanzi nżammu fuq il-post sabiex meta dawn il-ħaddiema jinħarġu mill-mina, ikunu jistgħu jittieħdu fl-eqreb sptar kemm jista’ jkun malajr.

Ekonomija

Sport