Saturday, November 23, 2024

Il-Kolumbjana li nqatlet ma kinitx kuntenta fir-relazzjoni mal-akkużat

Aqra wkoll

Xahar qabel ma nqatlet il-Kolumbjana Sandra Ramirez ta’ 43 sena, kienet qalet lill-akkużat li ma kinitx kuntenta miegħu u xtaqet twaqqaf ir-relazzjoni tagħhom. Irriżulta wkoll li Sandra kient qed tiffrekwenta persuna ġdida maskili ta’ nazzjonalità Palestinjana.

Dan ħareġ hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni tal-provi kontra Fabian Eliuth Garcia Parada, ta’ 39 sena, akkużat li fit-13 ta’ Jannar li għadda qatel lill-eks sieħba tiegħu, fl-appartament tagħhom f’Tas-Sliema.

Fil-Qorti ġie spjegat li l-koppja kien ikollhom ħafna argument, fosthom minħabba l-fatt li l-vittma kienet tgħallem l-Ingliż u l-akkużat ried li ttih iktar attenzjoni biex tgħallmu l-Ingliż.

Ingħad ukoll li darba minnhom l-akkużat spiċċa kmieni mix-xogħol u x’ħin wasal id dar sab lil Sandra ma’ persuna maskili u li f’ħin minnhom, semagħha tgħid il-kliem ‘I Like You’. Qal li kien irrabjat ħafna, u xħin ra hekk qabad u telaq ‘il barra mill-appartament.

Meta kien mistoqsi dwar ir-relazzjoni ma’ Sandra, Fabian qal li kienu jagħmlu kollox flimkien u li fl-aħħar vaganza flimkien f’Pariġi kien proponielha. Meta urewh ritratt tagħha, huwa tbissem u qal li kienu kuntenti, li kienu koppja perfetta u li kienu ppjanaw ħajjithom flimkien.

Meta mistoqsi kif kienet ir relazzjoni tagħhom riċentament, għażel li ma jwiġibx għal mistoqsijiet. Mistoqsi wkoll fejn kien nhar it-12 ta’ Jannar, lejlet il-qtil – stqarr li qagħad ġurnata sħiħa xogħol. Meta kien muri r-ritratt ta’ Sandra flimkien mas-sieħeb il-ġdid tagħha, hu qabad l-istess ritratt u dawru wiċċu ‘l isfel, u qal li ma kienx jaf min hu l-persuna.

Fil-Qorti, xehed ukoll l-ispettur Micheal Vella li spjega kif dakinhar tal-allegat qtil, irċieva telefonata mis-surgent, li qallu li kien għadu kemm daħal rapport ta’ omiċidju. Spjegalu li ftit tal-ħin qabel is-6:15am, daħal persuna l-Għassa ta’ nazzjonalità Kolumbjana u kif daħal għaddielhom il-mobile tiegħu u permezz ta’ application li tagħmel t-translation, bl-Ispanjol tradott għall-Ingliż u li kienet tgħid: “I murdered my ex partner during an argument inside my home”.

Il-Pulizija għamlu tfittxija fuqu u nstab li kellu l-mobile tal-vittma u sett taċ-ċwievet tal-istess appartament fejn kienu jabitaw l-akkużat u l-vittma. Immedjatament il-Pulizija marru fl-appartament u li x’ħin marru fil-kamra tas-sodda raw mara minduda li kellha ammont ta’ feriti fuq ġisimha, mgħottija b’liżar tas-sodda.

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ, qed titmexxa mill-Avukati Kaylie Bonett u Ramon Bonett Sladden mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, u l-Ispetturi Wayne Camilleri u Michael Vella.

Għall-akkużat qed jidhru l-Avukati Josè Herrera, Matthew Xuereb u Yanika Bugeja waqt li l-Avukati Arthur Azzopardi, Jacob Magri u Frank Tabone qed jidhru għall-familja tal-vittma.

Il-każ ikompli f’Mejju li ġej.

Sport