Sunday, October 12, 2025

IL-KOMETA “MISTERJUŻA U MHUX TAS-SOLTU” 3I/ATLAS FIS-SISTEMA SOLARI TAGĦNA

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Għala n-NASA waqqfet it-trasmissjoni diretta?

… Mossa li qajmet aktar spekulazzjonijiet u mistosijiet

Fl-aktar punt kruċjali li kien se jagħti lid-dinja ċ-ċans li tara x’inhija eżattament l-hekk ikklassifikata b’mod uffiċjali – “kometa interstellari” 3I/Atlas, in-NASA waqqfet ħesrem it-trasmissjonijiet live li kienet ilha xxandar ta’ kuljum għal dawn l-aħħar xhur. Din il-mossa ħalliet lil ħafna astronomi, xjenzati u nies li kienu wkoll qegħdin isegwu dan l-avveniment rari, bla kliem imma bil-mistoqsija tberren f’moħħhom “għala”? Din il-mistoqsija żiedet ħafna l-ispekulazzjonjiet.

Hekk kif id-dinja u bir-raġun, tinsab iffokata fuq kwistjonijiet serji b’mod partikolari l-Gwerra f’Gaża, it-3I/ATLAS daħlet fis-sistema solari tagħna u kienet l-aktar viċin din il-ġimgħa meta għaddiet ftit ‘il bogħod mill-pjaneta Mars. Minħabba l-karatteristiċi “mhux tas-soltu” fosthom traġettorija, veloċità u dawl “minn ġewwa”, dan il-fenomenu interstellari qiegħed iqajjem kurżità kbira b’diskussjonijiet kontinwi u jaħarqu fil-kamp xjentifiku, fost osservaturi, dilettanti, kif ukoll min-nies minn madwar id-dinja. Dan b’mod partikolari wara li l-Professor ta’ Havard, Avi Loeb, qal li din tista’ tkun probe b’intelliġenza artifiċjali. Din id-dikjarazzjoni qajmet spekulazzjonijiet u f’xi każi, biża’ ta’ vettura spazzjali enormi aljena (mothership). 

‘Il-Gvern Amerikan waqqaf il-finanzjament tas-sit’ … Fortunament hemm agenziji oħra

L-akbar u l-aqwa teleskopji fid-dinja dawwru “għajnejhom” fuq il-vjaġġ tat-3I/ATLAS bil-għan li jiġbru l-aktar informazzjoni possibbli. Ġara però li skont ma’ qalet in-NASA, proprju fil-punt fejn setgħet tieħu ritratti ta’ din il-“kometa”, il-Gvern Amerikan waqqaf il-finanzjament tas-sit. 

Minkejja dan u għall-fatt li l-kurżità fost il-pubbliku żdiedet, ta’ kuljum fuq il-midja soċjali qegħdin jixxandru filmati u ritratti minn astronomi u dilettanti. Barra minnhekk teleskopji kbar ta’ aġenziji barranin oħra, inkluż l-Aġenzija Spazzjali Ewropea, komplew isegwu it-3I/ATLAS u jaġġornaw. 

Fl-aħħar żviluppi jingħad li l-moviment tat-3I/ATLAS kompla jkun aktar “stramb” u differenti minn dak osservat normalment minn kometi oħra. Issa 3I/ATLAS qiegħed dejjem riesaq viċin ix-xemx u x-xjenzati qegħdin jistudjaw x’se jiġri ladarba jkun viċin ħafna fejn it-temperaturi sħan huma estremi. Skont data kkonfermata minn NASA u l-ESA, dan l-oġġett interstellari qiegħed juri attività kometarja b’saħħitha ħafna inkluż rilaxx kontinwu ta’ ilma u gassijiet oħra li qegħdin juru li huwa ħafna aktar attiv milli kien mistenni għal kometa li għadha f’distanza sostanzjali mix-xemx.

Għaldaqstant, filwaqt li huwa minnu li għandna nieħdu ħsieb dak li qiegħed jiġri madwarna, ikun għaqli wkoll li insegwu u nieħdu ħsieb dak li qiegħed jiġri barra mid-dinja tagħna. Dan kemm jekk għal finijiet ta’ edukazzjoni xjentifika f’każ ta’ tip ta’ kometa ġdida u kemm jekk it-3I/ATLAS jirriżulta f’oġġett “intelliġenti” li jista’ jibdel l-Istorja umana.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport