Fl-aħħar jiem il-gvern nieda dik li qed tissejjaħ bħala l-Malta Labour Migration Policy. Hija politika li għandha x’taqsam ma’ waħda mill-ikbar sfidi li għandu l-pajjiż ‘il quddiem. Dik ta’ kif se namministraw aħjar is-suq tax-xogħol li fl-aħħar snin kien jeħtieġ diversi ħaddiema minn pajjiżi terzi biex il-pajjiż ilaħħaq mal-opportunitajiet li nħolqu, u anke fid-dawl ta’ ċerti sfidi bħal popolazzjoni dejjem tixjieħ u rata ta’ twelid dejjem nieżla. Hemm ħafna xi tgħid dwar il-mertu ta’ dak propost, għalkemm dan l-editorjal jinnota kif l-ewwel reazzjonijiet minn oqsma differenti tas-soċjetà, inkluż dawk li normalment ikollhom opinjonijiet opposti, kienu pożittivi. Id-diskussjoni qiegħda u għandha tkun interessanti.
Li jrid jimmarka dan l-editorjal hu, kemm hu importanti li quddiem sfidi bħal dawn, ikun hemm kompetenza fil-mod kif nindirizzawhom u l-aħħar jiem kienu xhieda tad-differenza fil-mod kif qed jindirizzaw is-suġġett, il-gvern u l-oppożizzjoni. Iż-żewġ dibattiti fuq l-istazzjon nazzjonali fejn ħa sehem il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri kienu xhieda ta’ dan. Il-Ministru, bid-dokument li nieda f’idejh, deher ċar ħafna u konkret. Jaf sew fuqiex qed jitkellem. Realistiku u jindirizza l-ħsibijiet tan-nies fl-istess ħin. Fuq kollox konkret u filwaqt li tista’ taqbel jew ma taqbilx f’dak li qed jgħid, hemm ċertezza li dak li qed jgħid hu bbażat fuq il-fatti, studjat u taf fejn irid jasal.
Wieħed kien jippretendi l-istess attitudni mill-oppożizzjoni li tant ilha titkellem dwar is-suġġett. Sfortunatament, anke minn dak li rajna fid-dibattiti fuq l-istazzjon nazzjonali, il-Partit Nazzjonalista reġa’ nqabad mhux preparat u mingħajr soluzzjonijiet. Il-kelliema tal-oppożizzjoni, u anke l-kampanja pubbliċitarja tiegħu, hija ffokata biss fuq il-kelma tard wisq. Filwaqt li jekk hux tard jew fil-ħin hija diskussjoni fiha nnfisha, id-domanda hi: tard u mhux, int x’qed tipproponi fil-konkret? U x’taħseb dwar dak propost ?
Sfortunatament ma rajniex dawn ir-risposti u ħadd ma jtina tort li konna nippretenduhom minn oppożizzjoni li tippretendi li tkun gvern alternattiv fi ftit tas-snin oħra.
Għal darba oħra qed naraw li mill-gvern, il-Partit Laburista qed juri li qed jisma’ lin-nies u jrid jindirizza l-ħsibijiet tagħhom. Naturalment, wieħed jista’ jiddiskuti l-mertu imma hu ovvju li l-Partit Laburista qed joffri xi ħaġa u li miegħu taf fejn qed. Min-naħa l-oħra erġajna rajna, bħalma ġara qabel il-budget, li kellna oppożizzjoni li m’offriet xejn.
Ħasra. Peró meta jiġri hekk l-għażla tkun ċara.