Sena ilu l-Gvern kellu sfida kbira quddiemu meta Malta ddaħħlet fil-lista l-griża tal-FATF. Sfida li dehret diffiċli li tissolva għal ħafna fosthom esponenti tal-Partit Nazzjonalista. Kien hemm min sa April li għadda kien għadu jbeżża’ li Malta ma kinitx fil-qrib biex toħroġ mil-lista l-griża.
Iżda fil-konfront ta’ din is-sitwazzjoni, il-Gvern mhux talli ma qatax qalbu, talli ħadem bis-sħiħ biex tinstab soluzzjoni jew rimedju għaliha. Hekk sar u hekk ġara. U kien proprju għal din il-ħidma tal-FATF fil-plenarja tagħha tal-bieraħ iddeċiediet Malta issa hi konformi mar-regoli u l-obbligi li kienet poġġiet fuq pajjiżna l-istess FATF.
Dan ma kienx proċess sempliċi jew faċli. Anzi, kien jitlob mill-gvern ħidma intensiva b’azzjonijiet immirati u konkreti li jikkonvinċu. Imma l-gvern qatt ma beża’. Qatt ma qagħad lura. Anzi ħaseb lil hinn mill-isfida tal grey listing billi ppubblika l-viżjoni ekonomika tiegħu għal pajjiżna għall-10 snin li ġejjin u permezz tal-Budget li ppreżenta għal din is-sena.
Huwa għalhekk li l-aħbar tal-bieraħ għandha importanza kbira. Tassew, għax permezz tagħha, il-Gvern jista’ jimxi ‘l quddiem bil-viżjoni tiegħu għas-settur finanzjarju, għas-settur tal-gaming u għal setturi oħrajn li għandhom rwol importanti fl-ekonomija Maltija.
Ta’ min wieħed ma jinsiex li s-settur finanzjarju huwa s-sinsla tal-ekonomija Maltija kemm għall-kontribut li jagħti lill-Prodott Gross Domestiku kif ukoll għall-ammont ta’ impjiegi li joffru dawn is-setturi. Wieħed ma jridx jinsa li l-ħidma tal-gvern għar-riformi kienet qed issir waqt li pajjiżna kien għadu qed jaffaċċja l-effetti gravi u ekonomiċi li ħalliet il-pandemija.
Nirrimarkaw ukoll l-importanza li settur bħall-gaming għandu għall-ekonomija lokali. ll-kontribut dirett minn din l-industrija waħedha tal-gaming fl-2019 f’pajjiżna kien ta’ €1.1 biljuni.
Permezz ta’ din l-aħbar pożittiva, Malta tista’ tkompli tippromwovi lilha nfisha bħala ċentru finanzjarju ta’ eċċellenza ideali għall-operaturi fl-industrija marittima, fl-avjazzjoni u fl-immaniġġjar tal-fondi fost l-oħrajn. Permezz ta’ din l-aħbar Malta tista’ tkompli wkoll tiġbed lejn xtutna aktar investiment dirett barrani.
Iżda, l-aħbar tal-bieraħ tmur oltre minn hekk. Iżda l-aħbar li pajjiżna nħareġ mil-lista l-griża se ssaħħaħ ir-reputazzjoni tal-Prim Ministru u l-Gvern Laburista li kien kapaċi jindirizza sfida kbira bħal din għal pajjiżna, bla ma xellef l-andament ekonomiku u riformista li kien għaddej bih.
Turi wkoll li dan mhux gvern tal-kliem fieragħ u tal-wegħdiet fl-arja imma hu gvern ta’ azzjoni u li jwettaq id-deċiżjonijiet li jasal għalihom. Turi wkoll li l-vot b’saħħtu favur Gvern Laburista f’Marzu li għadda, ma kienx b’koinċidenza imma għax tassew il-poplu Malti u Għawdxi għandu fiduċja fid-direzzjoni u fil-viżjoni ta’ dan il-gvern.
L-aħbar tal-bieraħ ċertament mhix it-tmiem tal-vjaġġ. Il-Gvern Malti jrid ikompli jaħdem u jistinka biex ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna fl-isfera internazzjonali tkompli tissaħħaħ, tikber u tiġġenera aktar ġid għal pajjiżna.
Il-gvern Malti jrid ikompli jaħdem biex pajjiżna verament jerġa’ jiġi kkunsidrat bħala ċentru finanzjarju ta’ eċċellenza.