Waħda mid-diversi kontroversji li kienu inqalgħu dwar il-bini tal-Isptar Mater Dei minn Gvern Nazzjonalista kienet il-kwalità tal-konkos. Ngħid diversi kontroversji għax verament kien hemm diversi. Sptar li dam jinbena madwar 17-il sena. Sptar li kien iżgħar minn dak li kien iservi lill-pajjiż, Sptar San Luqa, li mbagħad meta Gvern Laburista ddeċieda li jkabbar sab li ma kienx possibbli jagħmel dan għax il-konkos li intuża ma kienx jiflaħ għal aktar bini fuqu. Fil-fatt biex saret estensjoni fis-sena 2018 minn Gvern Laburista saret fuq biċċa art oħra.
L-istorja skandaluża tal-konkos ta’ Mater Dei kienet wasslet għal inkjesta li tmexxiet mill-Imħallef Philip Sciberras. Ir-riżultat tagħha kien ġie ppubblikat f’Ġunju tas-sena 2016. Minnu jirriżulta li mhux biss li l-konkos kien difettuż iżda wkoll li kien hemm frodi u indħil politiku.
Kien irriżulta li ARUP, kumpanija multinazzjonali ta’ periti u inġiniera, kienu sabu li l-konkos ta’ Mater Dei, li suppost kellu saħħa ta’ ‘l fuq minn C30, f’xi bnadi kien ta’ C18.
Dwar stejjer oħra skandalużi marbutin mal-konkos ta’ Mater Dei jidhirli li kienu waslu rapporti saħansitra għand il-Kummissarju tal-Pulizija ta’ dak iż-żmien, iż-żmien li matulu kien għaddej il-bini tal-isptar, George Grech. Jekk l-eks-Kummissarju tal-Pulizija George Grech ħadimx fuq dawk ir-rapporti ma nafx, u jekk ħadem ma nafx x’irriżultalu. U jekk ma ħadimx fuqhom ma nafx għala lanqas.
Imma apparti dan. Nibqa’ mat-tema oriġinali ta’ din il-kitba. Il-Partit Nazzjonalista qed jipprova jiskredita dak li waslet għalih l-Inkjesta Philip Sciberras. Qed jagħmel dan permezz ta’ GIDBA peress li l-Gvern preżenti se jżid xi sulari fuq dak li hemm.
Jidhirli li l-ewwel li ħarġu b’dan l-attentat li jippruvaw jiskreditaw l-Inkjesta Philip Sciberras kienu ta’ The Shift. Dawn qalu li l-bini ta’ aktar sulari se jsir fuq bini li suppost għandu konkos difettuż, u allura dan mhux minnu għax kieku ma jiżdiedx bini fuqu.
Adrian Delia, wieħed mill-kontestati għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, rikeb fuq dan il-karru u rrepeta l-istess ħaġa. Minn żmien għal żmien jitfaċċa xi korrispondent u jirrepeti l-istess GIDBA.
Għaliex qed insejjaħ din l-istorja bħala GIDBA. Għax hekk hi, GIDBA. Il-verità hi li l-bini li se jiżdied se jinbena fuq bini li kien sar minn Gvern Laburista fis-sena 2018, u mhux fuq bini li sar taħt Gvern Nazzjonalista u li fih irriżulta dak li rriżulta dwar il-konkos.
Li jdejjaqni, u sa ċertu punt jirrabjani, huwa l-fatt li kemm il-Gvern kif ukoll il-Partit Laburista ma jirribattux din il-GIDBA kontinwament. Ma jirrispondux għaliha. Ma jurux l-ingann tal-Partit Nazzjonalista u ta’ dawk li GIDBA SFAĊĊATA bħal din jippruvaw idawruha f’verità.
Naf li kien hemm xi okkażjoni fejn sar dan li qed insemmi. Jidhirli li smajt lill-Ministru għas-Saħħa u Anzjanità Attiva Joe Etienne Abela jsostni dak li qed ngħid. Imma żgur u żgur li mhux qed isir biżżejjed. Inħoss bis-sħiħ li kemm fuq bażi ta’ Gvern kif ukoll fuq bażi ta’ Partit Laburista attentati bħal dawn m’għandhomx jitħallew għaddejjin mar-riħ bil-konsegwenza li GIDBA SFAĊĊATA tibda titwemmen.