Monday, December 22, 2025

Il-Konsistenza Tkun Deċiżiva fit-tielet jum tal-MAPFRE Euromed International Regatta

Aqra wkoll

Il-MAPFRE Euromed International Regatta offriet waħda mill-aktar jiem tekniċi u ta’ sfida tagħha nhar is-Sibt, hekk kif il-baħħara ffaċċjaw kundizzjonijiet ta’ riħ ħafif u varjabbli wara lejl bix-xita.

Hekk kif ir-riħ baqa’dgħajjef u suġġett għal bidliet frekwenti matul il-ġurnata, is-suċċess kien jiddependi inqas fuq il-veloċità u aktar fuq l-għarfien tattiku, paċenzja u, fuq kollox, il-konsistenza. B’mod ġenerali, l-enfasi kienet fuq it-tnaqqis tal-iżbalji. F’dan l-istadju, ir-riżultati kollha jibqgħu proviżorji u jistgħu jinbidlu skont l-eżitu tal-protesti li tqajmu matul il-ġurnata.

Optimist Beginners

Il-bidliet fl-ewwel tliet postijiet komplew iseħħu, b’Lea Salikova (SUI) titla’ fl-ewwel post wara disa’ tiġrijiet. Warajha jinsabu Thomas Zapucioiu (MLT) u Liam John Gaskell (MLT), li t-tnejn li huma dehru b’mod konsistenti fl-ewwel tliet postijiet sa mill-ewwel jum tar-regatta nhar il-Ħamis. Bi tliet tiġrijiet għad fadal u b’differenzi minimi bejn it-tlieta, kollox għadu miftuħ, bil-ġlieda għall-ogħla unuri mistennija tibqa’ sa l-aħħar nett.

Optimist Senior

Wieħed mir-riżultati sorprendenti tal-ġurnata ra lill-favorit tar-regatta Carl Bigersson jinżel fil-klassifika wara li rtira fl-aħħar tiġrija tal-ġurnata, u b’hekk fetaħ it-triq biex Mihael Zobec isaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel post. Sebastian Micheli Demajo tal-Malta Young Sailors Club tela’ fit-tieni post, b’Andrea Demurtas fit-tielet post. Filwaqt li Zobec jidher f’pożizzjoni tajba biex jirbaħ ir-regatta, punt wieħed biss jifred lil Micheli Demajo u Demurtas, u dan iħalli l-ġlieda għall-postijiet fuq il-podju miftuħa.

Europa Cup – Flotot ILCA

Żewġ tiġrijiet ġew ikkompletati għall-flotot ILCA, b’tellieqa finali skedata għall-Ħadd. Fil-flotta ILCA 4, Tiago Cheng De Villemor Salgado (HKG) żamm l-ewwel post. Il-parteċipant tal-klabb ospitanti Timothy De Cesare tela’ fit-tieni post, punt wieħed biss quddiem Oleksandr Bolsunovskyi (CYP). L-atleta Maltija Emily Fenech tinsab fir-raba post, b’distakk ta erba’ punti li jħalliha bil-possibilta li tikseb post fuq il-podju overall.

Ma saru l-ebda bidliet fl-ewwel tliet postijiet fil-Klassi ILCA 6. Carys Attwell (GBR) tkompli tmexxi l-klassifika, b’vantaġġ ta’ żewġ punti fuq Pietro Colazzo (ITA), li min-naħa tiegħu għandu vantaġġ ta’ 11-il punt fuq il-Malti Timmy Vassallo. B’punt wieħed biss jifred lil Vassallo mir-raba’ post okkupat minn Leo Gosling (SUI), it-tiġrija finali tal-Ħadd mistennija tkun waħda kompetittiva ħafna.

Il-flotta ILCA 7 rat sorpriża fil-quċċata tal-klassifika, b’Tomek Vaccaro (MDA) jitla’ fl-ewwel post u jgħeleb lil Fiachra McDonnell (IRL), li kien żamm il-vantaġġ sa mill-bidu tar-regatta. Żewġ punti biss jifirdu lill-dawn it-tnejn, u dan iwiegħed konfront deċiżiv nhar il-Ħadd filgħodu. Jeremy Moutout (MON) bħalissa jinsab fit-tielet post.

Issa l-attenzjoni ddur lejn l-aħħar jum tar-Regatta, li se jinkludi tliet tiġrijiet finali għall-flotta Optimist u tiġrija finali waħda għall-flotta ILCA. Ġurnata li ser jkollha konklużjoni deċiżiva għall-MAPFRE Euromed International Regatta.

Il-25 edizzjoni tal-MAPFRE Euromed International Regatta qed tiġi appoġġjata minn MAPFRE u VisitMalta, b’S&D Yachts / Rooster, F. Busuttil & Sons Marketing u Victor Azzopardi Jewellers — l-official timekeeper tal-avvenitment  — jappoġġjaw ukoll ir-regatta. Appoġġ ieħor qed jingħata mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, il-Malta Sailing Federation,  SportMalta u Yachting Malta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport