Friday, July 11, 2025

‘Il-konsistenza u d-determinazzjoni huma l-muftieħ ta’ kull suċċess’ – Jamie Cutajar

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi għall-futbol bdiet minn etá żgħira u missieri hu kien plejer ukoll, għalhekk il-futbol dejjem kien parti kbira minn ħajjitna. Konna naraw il-logħbiet tal-Manchester United bħala familja, u dawk il-mumenti verament sirt inħobb iktar dan l-isport.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Gudja United FC.

L-esperjenza tiegħi ma’ Gudja United FC s’issa kienet waħda pożittiva ħafna, u ninsab verament kuntent li jien parti minn dan il-klabb. Sibt ambjent ta’ familja, b’għaqda, rispett u professjonalità, kemm fuq il-grawnd kif ukoll barra minnu. L-istaff tekniku dejjem hemm biex iħeġġiġna u jgħinna nikbru, u dan jagħtini motivazzjoni biex nagħti l-aħjar tiegħi f’kull sessjoni ta’ taħriġ u f’kull logħba.

Minħabba f’dawn l-elementi kollha, iddeċidejt li nestendi l-kuntratt tiegħi b’sena oħra. Nemmen fil-proġett li għandu l-klabb u fil-potenzjal tat-tim, u nħossni kburi li se nkompli nagħti sehmi sabiex niksbu l-għanijiet tagħna għall-istaġun li ġej.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?

Naħseb li l-istaġun li għadda kien wieħed mimli sfidi, imma fl-istess ħin wera kemm għandna tim b’karattru u determinazzjoni. Kull wieħed minna ta l-aħjar tiegħu, u kien hemm mumenti fejn urejna kemm bħala grupp aħna magħqudin u motivati. Jien personalment lgħabt kważi kull logħba, u nħossni kburi li kont f’qiegħ il-grawnd ngħin lit-tim f’kull pass tal-vjaġġ. Kien hemm partiti diffiċli, imma dejjem irnexxielna nerġgħu nqumu u nkomplu niġġieldu għal xulxin.

Għalkemm ma ġejniex mat-top 8 għall-punt wieħed biss, l-appoġġ tal-kowċis, tal-istaff tekniku u tal-kumitat kien fundamentali, u dan kollu jagħmilni aktar ħerqan u motivat għall-istaġun li ġej.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Orosco Anonam?

Il-kowċ Orosco Anonam huwa figura ta’ dixxiplina u dedikazzjoni li verament għenitni ntejjeb bħala plejer u bħala membru tat-tim. Minn meta bdejt taħdem miegħu, tgħallimt ħafna – kemm fuq livell tekniku kif ukoll fuq livell ta’ mentalità u impenji. Il-metodi tiegħu ta’ taħriġ u l-attenzjoni li jagħti lill-ħidma fil-grupp jagħmluha ċara kemm hu determinat li jwassal lit-tim għall-aqwa riżultati.

Għalija, il-kowċ Orosco, mhux biss huwa mentor fil-grawnd, imma wkoll sors ta’ ispirazzjoni li jgħinni nħares ’il quddiem b’aktar kuraġġ u dedikazzjoni.

U fuq il-kumitat immexxi mill-president, Dr Duncan Borg Myatt?

Il-kumitat immexxi mill-president Dr Duncan Borg Myatt jaħdem b’mod professjonali biex jipprovdi l-appoġġ kollu meħtieġ lit-tim u lill-plejers.

It-team manager Gordon dejjem huwa disponibbli u organizzattiv, u jagħmel differenza kbira fit-tħejjija tagħna.

X’tikkummenta fuq l-esperjenza passata tiegħek ma’ Hamrun Spartans FC?

Hamrun Spartans FC huwa l-klabb li twelidt miegħu u li dejjem se jibqa’ f’qalbi. Għamilt mal-klabb minn meta kelli 3 snien sa 18-il sena u għalkemm ma għadniex nilagħbu għalih, dejjem inħoss rabta speċjali miegħu. Dik l-esperjenza għenitni nimmatura kemm bħala plejer kif ukoll bħala persuna.

Il-Ħamrun dejjem se jkun parti importanti minni u dejjem nħoss sens speċjali meta niftakar fih!

X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Il-futbol Malti qed jitjieb bilmod. Hemm plejers tajbin u ħafna jħobbu din il-logħba.

Bħalissa għad hemm affarijiet biex jitjieb, imma l-passjoni għall-futbol hi kbira u dan hu importanti.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Il-grawnds fejn nitħarrġu u nilagħbu huma tajbin, imma dejjem nistgħu nagħmlu aħjar.

Nixtiequ iktar attenzjoni biex ikunu postijiet aktar tajbin għall-plejers.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Jien irrid inkompli nilgħab il-futbol u nilħaq livell ogħla. Għandi ħafna għanijiet u nagħmel ħilti biex intejjeb kuljum. Il-futur tiegħi fil-futbol huwa importanti għalija u se nkompli niġġieled biex nilħaq is-suq tiegħi.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Għal kull min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol, ngħidlu biex qatt ma jaqta’ qalbu. Il-passi jistgħu jkunu diffiċli, imma dejjem irid jibqa’ miftuħ u jaħdem b’kuraġġ!

Jekk tiddeċiedi li tieqaf għal xi raġuni, tibżax, imma dejjem erġa’ poġġi ruħek fuq it-triq u kompli ssegwi l-ħolm tiegħek. Il-konsistenza u d-determinazzjoni huma l-muftieħ ta’ kull suċċess!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport