Sunday, November 24, 2024

Il-Konsumatur illum Problemi li qed iħabbat wiċċu magħhom (ii)

Aqra wkoll

Fl-aħħar artiklu semmejt xi diffikultajiet li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-konsumaturi minħabba l-pandemija tal-COVID-19.  Sa ċertu punt, għal dawk hemm forma ta’ soluzzjoni għalihom għalkemm is-soluzzjonijiet mhux ideali għall-konsumaturi. Bħal ma semmejt fl-artiklu l-ieħor, sfortunatament dawn is-soluzzjonijiet qed jiġu mfixkla mill-aġenti tal-ivvjaġġar stess għaliex mhux jagħtu kas id-drittijiet tal-konsumaturi.  Li kieku jagħmlu dan, jien ċert li l-konsumatur ikun lest li jerfa’ parti mit-toqol li ħolqot din il-pandemija.  Dan l-atteġġjament ser ikun ta’ problema għas-settur tal-aġenti tal-ivvjaġġar meta tgħaddi din il-burraxka għaliex il-konsumaturi jkunu tilfu fiduċja f’dawn l-aġenti.  

Biss il-problema kbira ta’ dan il-grupp ta’ konsumaturi li għandhom problemi fuq vjaġġi hu l-istess bħal dik li qed jiffaċċjaw il-konsumaturi kollha.  Dan hu t-tħassib u l-inċertezza li għandhom il-konsumaturi dwar id-dħul tagħhom.  Ir-raġuni hi li sakemm id-dħul tagħhom kien sostenibbli u għoli biżżejjed, soluzzjonijiet il-konsumaturi dejjem sabu.  Hu vera li qed isiru sforzi li qabel lanqas biss kienu jidħlu f’moħħna sabiex id-dħul tal-ħaddiema, li huma l-konsumaturi, veru f’ħafna każi fuq livell aktar baxx, jibqa’ għaddej.

Grupp li hu inkwetat b’dak li qed jiġri hu l-penzjonanti.  Ir-raġuni hi d-dħul tagħhom.  It-tħassib li għandhom mhux għax id-dħul jista’ jieqaf iżda minħabba l-prezzijiet.  Dan għaliex hemm xi wħud minn negozjanti li qed jieħdu l-opportunita’ mis-sitwazzjoni biex idaħħlu iżjed.  Biex inkun ġust, hemm negozjanti li minkejja din l-opportunita’ ma ħadux vantaġġ u żammew il-prezzijiet stabbli.  

Il-vantaġġ tal-penzjonanti hu li draw jgħixu bil-penzjoni għalkemm illum hemm ħafna penzjonanti li kienu jaħdmu.  Dawk li kienu qed jgħixu bil-penzjoni biss, il-probabilta’ li kienu diġa’ adattaw ruħhom għal ċertu tip ta’ ħajja u għalhekk, bħalissa rigward id-dħul u l-ħruġ, dan il-grupp ma tantx kellhom jagħmlu taqlib kbir fl-istil tal-ħajja tagħhom.  Iż-żewġ affarijiet li jinkwetahom huma l-prezzijiet u peress li qed ikunu id-dar il-ħin kollu, il-probabilta’ ser jikkunsmaw aktar.  Biss bħal ma ktibt, l-anzjani għandhom problemi oħra li ma jaqgħux taħt dan is-suġġett.

Il-konsumaturi l-oħra, dawk impjegati, hi l-problema tal-prezzijiet li ser jiffaċċjaw għalkemm hemm problemi oħra li nħarsu lejhom aktar tard.

L-akbar bidla ser jarawha dawk li kienu jaħdmu u issa ma jistgħux.  Ir-raġuni hi li minkejja li ser ikollhom ċertu dħul iggarantit bil-miżuri li ħa l-Gvern, xorta ser ikollhom ibiddlu l-istil tal-ħajja tagħhom għax ser jaraw id-dħul tagħhom jieħu daqqa ‘l isfel f’daqqa.  

Għalhekk, f’dan iż-żmien, l-istabilita’ tal-prezzijiet hi importanti.  Iż-żieda fil-prezzijiet qed tolqot ħażin lill-konsumaturi għaliex huma l-affarijiet essenzjali li qed jinxtraw bħalissa.  Dawn huma affarijiet tal-ikel u dawk l-affarijiet li għandna bżonn biex nieħdu ħsieb saħħitna.  Dawn tal-aħħar huma affarijiet bħal sanitizers u maskli – żewġ affarijiet li żgur għandna bżonn meta noħorġu mid-dar biex la nittieħdu u lanqas inkomplu inmexxu dan il-virus.

Ħafna jemmnu li dawn jistgħu jiġu kkontrollati mill-awtoritajiet.  Personalment nemmen li għalkemm l-awtoritajiet, speċjalment l-MCCAA, li ġiet imwaqqfa biex tħares l-interessi tal-konsumaturi, il-kontroll tal-prezzijiet għandu jkun l-aħħar pass.  Dan għaliex hu diffiċli li jkollhom dan il-kontroll.  Biss hemm affarijiet oħra li jistgħu jagħmlu. Huma mhux biss għandhom jimmoniterjaw il-prezzijiet iżda, għandhom ukoll ixandru kif telgħin il-prezzijiet  u fejn telgħin.  Dan sabiex, min-naħa, in-negozjanti stess ikunu jafu fejn hi d-domanda u għalhekk jimportaw aktar minn dawn l-affarijiet u min-naħa l-oħra, jinfurmaw lill-konsumaturi, b’mod indirett, fejn għandhom imorru jixtru u lil min għandhom jevitaw. 

Biss dan ma jfissirx li r-responsabbilta’ taqa’ biss fuq l-awtoritajiet.  Il-konsumaturi għandhom sehem x’jilagħbu.  Hu hawn li tidħol is-social media.  Il-konsumaturi għandhom ixandru lil dawk li jkunu qed jabbuzaw.  Dan għandu jsir b’mod responsabbli.  Nemmen li meta konsumatur ikun ser ixandar xi prezz u mil-liema ħanut inxtraw, għandu jxandar ukoll l-irċevuta.  L-istess għandhom jagħmlu fuq dawk il-ħwienet li jkunu qed jimxu b’mod ġust.   Dan għandu jsir biex filwaqt li noħolqu pressjoni fuq dawk in-negozji li jkunu qed jabbużaw, inkunu qed ninkoraġġixxu lill-oħrajn.  

Hu fatt li n-negozji qed iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet, biss iridu jiftakru li jekk jaraw biss l-interessi tagħhom u jinsew id-drittijiet tal-konsumaturi, meta tgħaddi din il-kriżi ser jiffaċċjaw kriżi oħra – dik li l-konsumaturi meta l-affarijiet jiġu għan-normal, mhux ser ifittxu dawk in-negozji li jkunu abbużaw waqt din il-kriżi.   

Sport