Il-mod b’saħħtu u konsistenti li bih qed taħdem l-industrija tal-films f’pajjiżna, bi produzzjoni wara l-oħra tal-ogħla livell, wassal biex fl-aħħar tmien snin il-kontribut ta’ din l-industrija lejn l-ekonomija Maltija żdied b’sitt darbiet meta mqabbel mal-perjodu itwal ta’ tnax -il sena ta’ qabel.
Ikkonferma dan rapport ekonomiku li fih ġie kkonfermat kif il-kontribuzzjoni kumulattiva lejn il-Prodott Domestiku Gross bejn is-snin 2018 u l-2025 kienet ta’ €1,208 miljun.
Ir-rapport tal-ekonomista Aaron Grech wera kif imqabbel mal-perjodu ta’ bejn l-2005 u l-2017 dan ifisser kontribut ta’ sitt darbiet iktar. L-istess rapport juri kif dan it-tkabbir sostanzjali kellu mpatt pożittiv ħafna fuq in-numru ta’ nies jaħdmu fis-settur. Fil-fatt hawn ir-riżultati huma ħames darbiet aqwa fl-aħħar tmien snin mill-perjodu ta’ qabel. Minn madwar xogħol għal 500 impjegat full time fis-sena fis-settur bejn l-2005 u l-2017, fl-aħħar snin dan żdied għal medja ta’ 2,500 persuna taħdem full time fis-settur.
Il-Kummissarju Malti għall-Films Johann Grech qal ma’ IT-TORĊA kif dawn ir-riżultati huma frott il-konvinzjoni tal-aħħar snin li Malta setgħet tkun post ta’ eċċellenza li jiġbed lejh l-aqwa produzzjonijiet, l-aqwa atturi u l-ikbar ismijiet b’mod konsistenti. “Il-potenzjal ta’ Malta dejjem kien hemm u f’mitt sena ta’ storja ġew lejn pajjiżna produzzjoni mill-isbaħ u mill-aqwa. Li għamilna fl-aħħar tmien snin kien li bnejna fuq dan billi qatt ma wafana nemmnu li din trid tkun ir-regola, li l-industrija tal-films ma’ tistax tkun xi ħaġa li taħdem biċ-ċikli, iżda li ġġib ix-xogħol b’mod konsistenti. Kien għalhekk li wasalna għal dawn ir-riżultati li huma l-aqwa li qatt kellna,” qal Grech.
Il-Kummissarju Johann Grech ikkummenta wkoll kif ir-rapport huwa ċertifikat ukoll ta’ kemm il-gvern kien għaqli bil-mod kif ħaddem il-cash rebates, liema cash rebates illum qed ikunu kkopjati minn diversi pajjiżi. Fil-fatt, ir-rapport jikkonferma l-impatt fiskali pożittiv tal-inċentivi finanzjarji. Id-dħul mit-taxxi ġenerati mill-attività fil-films b’mod konsistenti qabżu l-ispiża tal-cash rebate. Ir-rapport ekonomiku juri li bejn l-2018 u l-2025 kien hemm bilanċ pożittiv ta’ €12 -il miljun ewro kull sena, erba’ darbiet iktar minn kemm kien fil-perjodu bejn l-2005 u l-2017 meta kien ta’ €3 miljuni fis-sena.
Intant, l-istess rapport jikkonferma wkoll kif mill-industrija tal-films igawdi kulħadd. Fost is-setturi ekonomiċi li l-iktar gawdew kien hemm il-lukandi u r-ristoranti, is-setturi tat-trasport, l-arti u d-divertiment.
L-industrija tal-films fl-aħħar snin poġġiet anke lill-Malta fuq il-mappa internazzjonali b’films tal-ogħla livell jinħadmu f’Malta. Fl-aħħar jiem kienu mxandra wkoll numru ta’ intervisti ma’ atturi u diretturi ta’ fama li kollha tkellmu b’mod pożittiv dwar l-esperjenza f’pajjiżna, b’mod partikolari grazzi għall-ħidma tal-Kummissjoni tal-Films ta’ Malta u l-crews fost oħrajn.

