Sunday, December 22, 2024

IL-KONTRIBUT SIEWI TAL-ANZJANI LI JIBQGĦU JAĦDMU

Aqra wkoll

Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar il-popolazzjoni madwar id-dinja qiegħda tkompli tixjieħ. B’dan f’moħħna, ix-xjuħija hi proċess naturali li jkun ħasra jekk jiġi injorat. 

Qabel xejn nemmnu li l-anzjanità rridu nħarsu lejha minn lenti pożittiva u nirrikonoxxu l-kontribut siewi li dawn il-persuni diġà taw fis-soċjetà li jgħixu fiha. Huwa ta’ min ifaħħar għalhekk l-impenn tal-Gvern u għaqdiet oħra li qed ikomplu jinkoraġġixxu l-anzjanità attiva. Dan għaliex nemmnu li l-anzjani għad għadhom x’joffru lis-soċjetà b’mod inġenerali. 

Huwa tajjeb ukoll li ninnotaw id-diversi inċentivi li ddaħħlu għal dawk li jilħqu l-età tal-irtirar u jagħżlu li jibqgħu jaħdmu. B’dan il-mod, ma tintilifx l-esperjenza kbira u siewja li dawn ikunu kisbu matul is-snin u anke jistgħu jkunu ta’ għajnuna għall-ħaddiema l-oħra sħabhom kif ukoll għall-kumpanija li jaħdmu magħha.

Il-General Workers’ Union tħares lejn l-anzjanità b’mod pożittiv tant li kieet waqfet saħnsitra fi ħdanha biex tħares l-interessi tal-anzjani u anke ta’ dawk li jibqgħu jaħdmu. Il-GWU temmen li dan l-approċċ interġenerazzjonali jġib miegħu l-aħjar prattiki bejn il-ħaddiema għax l-għarfien akkademiku u l-esperjenzi huma essenzjali għan-negozji. 

F’dan il-kuntest ukoll, tajjeb li nfakkru kif il-GWU flimkien mal-Kamra tal-Kummerċ kienu ffirmaw ftehim fir-rigward tal-Anzjanità Attiva u l-approċċ interġenerazzjonali. Dan bil-għan li jkun żgurat ambjent tax-xogħol aktar b’saħħtu, sigur u produttiv u l-għarfien u l-esperjenza li ħaddiem ikun akkwista matul is-snin jiġu trasferiti lill-ġenerazzjonijiet li jmiss.

Quddiem dan kollu nemmnu li l-anzjanità attiva tibqa’ importanti filwaqt li m’għandniex inħarsu lejn in-numru dejjem jiżdied ta’ persuni akbar fl-età bħala piż fuq l-iskemi attwali ta’ ħarsien soċjali. Irridu li jibqgħu jingħataw aktar inċentivi li jħajru aktar anzjani sabiex jibqgħu fid-dinja tax-xogħol minħabba li l-kontribut tagħhom kien, għadu u se jibqa’ importanti kemm għas-soċjetà inġenerali kif ukoll għall-ekonomija ta’ pajjiżna. 

Għalhekk huwa kruċjali li l-Gvern jibqa’ jinċentiva l-anzjanità attiva sabiex dawn ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar kif wara kollox jixirqilhom, wara snin ta’ xogħol li jkunu għamlu matul ħajjithom.

Ekonomija

Sport