Sunday, December 29, 2024

IL-KONTRIBUT TAŻ-ŻGĦAŻAGĦF’SOĊJETÀ LI QED TINBIDEL

Aqra wkoll


Fil-bidu ta’ din il-ġimgħa ġie ċċelebrat il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ. In-Nazzjonijiet Uniti, filwaqt li fakkret dan il-jum, irreferiet għall-mod kif id-diġitalizzazzjoni qiegħda tittrasforma ddinja, billi toffri opportunitajiet bla preċedent biex l-iżvilupp sostenibbli jkun aċċellerat.

Teknoloġiji diġitali bħalma huma s-servizzi u l-intelliġenza artifiċjali qed ikunu meqjusa bħala strumentali fl-avvanz tal-Għanijiet talIżvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-ġenerazzjoni żagħżugħa qiegħda fuq quddiem biex tħaddan l-innovazzjoni f’dawn l-oqsma, bi tliet kwarti minn dawk fl-età ta’ bejn il-15 u l-24 sena, madwar id-dinja, użaw l-internet fl-2022.

F’pajjiżna, il-vuċi taż-żgħażagħ mhijiex imwarrba. Tant li xhur ilu, ilPrim Ministru nnifsu waqqaf ilYouth Advisory Forum, bil-għan li ż-żgħażagħ iwasslu l-fehmiet tagħhom fil-livell ta’ Kabinett tal-Ministri. Dan il-forum ingħata importanza kbira billi jaqa’ taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Għaldaqstant iż-żgħażagħ m’għandhomx jibżgħu jersqu ’l quddiem biex isemmgħu leħinhom u jesprimi dak li jemmnu fih. Għaliex mhux billi ta’ sikwit jingħad li ż-żgħażagħ huma l-mexxejja tal-futur imma dawn iridu jingħataw lgħodod kollha biex verament ikunu l-ġejjieni ta’ pajjiżna.

U proprju dan kien l-iskop li għalih dan il-forum. L-avvanz fit-teknoloġija llum qed joffri opportunitajiet li qabel ma kinux jeżistu f’pajjiżna. Tant li kien hemm żmien fejn ħafna żgħażagħ kienu jitilqu minn Malta għaliex pajjiżna ma kienx joffrilhom il-mod biex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom.

Illum dan ix-xenarju nbidel kompletament għaliex anke jekk inħarsu lejn is-suq tax-xogħol, insibu vakanzi għal impjiegi li jirrikjedu ħiliet avvanzati li jikkomparaw tajjeb ma’ pajjiżi oħra. Aħna nemmnu li ż-żgħażagħ għandhom jaħtfu kull opportunità li tiġi quddiemhom.

Opportunitajiet li mhux biss igawdu minnhom dawk li jidħlu għalihom imma wkoll li jkunu ta’ ġid għal pajjiżna u għas-soċjetà b’mod partikolari. Dawn l-opportunitajiet qegħdin hemm, jistennew lil min jaħtafhom.

Għalhekk, filwaqt li dan il-jum huwa tajjeb li nkomplu nfakkruh, iridu jkunu ż-żgħażagħ innifishom li jersqu ‘l quddiem bl-ideat tagħhom biex pajjiżna dejjem ikun għada aħjar mil-lum.

Iż-żgħażagħ mhux biss jirrappreżentaw il-preżent imma wkoll il-futur. Għalhekk il-futur huwa f’idejhom.

Ekonomija

Sport