F’indirizz li għamel f’konferenza tal-aħbarijiet fi Tripli wara li Malta u l-Libja ffirmaw l-estensjoni ta’ ftehim li jikkumbatti l-immigrazzjoni illegali, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-immigrazzjoni hi parti minn diskussjoni ferm aktar profonda dwar relazzjonijiet strateġiċi importanti bejn l-Ewropa u pajjiżi fl-Afrika ta’ Fuq, bħal-Libja.
Il-Prim Ministru Malti qal dan ukoll wara laqgħat bilaterali li kellu fi Tripli mal-Prim Ministru Libjan Abdul Hamid Dbeibeh. Il-Prim Ministru Abela sostna li Malta tara fil-Libja sieħeb strateġiku mal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran f’oqsma importanti bħall-enerġija rinovabbli. Dan qalu f’kuntest tal-politika mħaddna minn Malta favur l-importanza tar-reġjun tal-Mediterran u li pajjiżna għandu l-kredibbiltà biex jimbotta sħubija strateġika bejn l-Ewropa u l-Afrika ta’ Fuq. Dan pajjiżna qed jisħaq dwaru anki bl-argument favur Kummissarju Ewropew għall-Mediterran u urih bil-fatti fil-laqgħa tal-MED9 f’pajjiżna fejn ġie sostnut li mill-Mediterran nagħmlu ċentru ta’ enerġija nadifa li jixpruna l-impenn favur Ewropa u Mediterran dekarbonizzat, b’settur tal-enerġija nadif u indipendenti.
Qabel l-iffirmar tal-ftehim estiż għal tliet snin fuq dak iffirmat f’Mejju ta’ erba’ snin ilu, il-Prim Ministru Malti u dak Libjan iddiskutew ukoll il-potenzjal li r-relazzjonijiet kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi jkomplu jikbru anki fi sfond ta’ ftehim favur konnettività bl-ajru bejn iż-żewġ pajjiżi. Fil-fatt Malta kienet l-ewwel Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li reġa’ beda t-titjiriet bejn Malta u l-Libja. Il-Prim Ministru Robert Abela qal li r-relazzjonijiet mal-Libja huma ffukati fuq il-ħolqien ta’ opportunitajiet anki f’oqsma oħra bħall-marittimu u qal li dak li ż-żewġ pajjiżi rnexxilhom jikkoperaw dwaru fil-qasam tas-sigurtà nistgħu nkomplu nirreplikawh f’setturi oħra. Fuq il-kummerċ, fit-taħdidiet mal-Prim Ministru Libjan, Dr Abela qal li Malta tista’ tkompli tiffaċilita u sservi ta’ ċentru għal-loġistika bejn l-Ewropa u l-Afrika ta’ Fuq. Hawn semma kif pajjiżna għandu portijiet attrezzati biex iservu ta’ pont kummerċjali bejn iż-żewġ kontinenti.
Il-Prim Ministru Robert Abela nnota wkoll li pajjiżna qed jagħraf l-importanza tal-koperazzjoni strateġika mal-Gvern Libjan dwar l-immigrazzjoni. Dan permezz ta’ taħriġ u assistenza anki fil-protezzjoni ċivili mogħtija mill-awtoritajiet Maltin lil dawk Libjani, quddiem sfidi li anki l-Libja għandha bħala pajjiż tranżitorju għall-immigranti. Dr Abela qal li l-ftehim bejn iż-żewġ pajjiżi diġà fisser salvataġġ ta’ ħajjet ta’ eluf ta’ persuni fosthom nisa u tfal u tnaqqis qawwi ta’ wasliet ta’ immigranti irregolari.
“Il-kwistjoni tal-immigrazzjoni mhiex indirizzata għal kollox u dejjem jifdal x’isir iżda llum qegħdin hawn intennu l-impenn tagħna biex naħdmu flimkien għaliex dak li għedna b’mod konsistenti: li ma nistgħux nindirizzaw l-immigrazzjoni illegali mingħajr l-impenn tal-pajjiżi Ewropej ma’ pajjiżi ta’ tranżitu jew oriġini nibqgħu nsostnuh bis-saħħa”, saħaq il-Prim Ministru Robert Abela lejlet Forum dwar l-immigrazzjoni li se jkun qed jindirizza fi Tripli fuq stedina tal-Gvern Libjan. It-Trans-Mediterranean Migration Forum għandu s-sehem ta’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea u pajjiżi Afrikani.
Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru Robert Abela fil-laqgħat fi Tripli hemm il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, is-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol, il-Kap tas-Segretarjat fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mark Mallia.