Saturday, October 26, 2024

Il-Kordin Grain Terminal b’ħidma prattika sabiex tinżamm stabbiltà fil-prezzijiet tal-qamħ u tal-ġwież

Aqra wkoll

Il-Kordin Grain Terminal ilu jopera għal dawn l-aħħar 38 sena, fejn fih issir ħażna ta’ qamħ u ġwież. Illum dan il-post sar importanti aktar minn qatt qabel, fejn qed issir ħidma prattika li tassigura, kemm jista’ jkun, l-istabbiltà tal-prezz tal-qamħ u tal-ġwież. Is-silos fil-Kordin Grain Terminal jesgħu 88,000 tunellata metrika ta’ qamħ u ġwież. Matul is-sena li għaddiet minn hawnhekk inħattu total ta’ 100,700 tunellata metrika ta’ qamħ u ġwież għas-suq lokali.

Dan qalu l-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet, Silvio Schembri f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Kordin Grain Terminal.

Il-Ministru Schembri ħabbar ukoll investiment ġdid ta’ €4 miljun. Dan l-investiment ikopri x-xiri mill-ġdid tal-krejn prinċipali li kien ilu jopera mill-bidu nett u b’hekk iwassal għal aktar effiċjenza f’dan it-terminal. Dan l-investiment ħa jkun qed inaqqas b’mod sostanzjali l-ispejjeż li attwalment qiegħda tħallas il-Kordin Grain Terminal. Dan ix-xogħol mistenni jibda f’Settembru u jitlesta f’Ottubru ta’ din is-sena. 

“Qatt daqs fl-aħħar ġimgħat u xhur ma stajna napprezzaw kemm huwa importanti dan il-post u kemm huwa importanti li pajjiżna jkollu ħażna ta’ qamħ u ġwież, hekk kif dawn iż-żewġ prodotti essenzjali ġew milquta mill-gwerra fl-Ukrajna”, qal il-Ministru Schembri.

Huwa spjega li l-Kordin Grain Terminal se jkun kruċjali biex f’pajjiżna kemm jista’ jkun inżommu prezzijiet stabbli. “Fil-fatt il-gvern se jkun qed jissusidja l-prezz li l-importaturi jħallsu biex jaħżnu l-prodotti tagħhom f’din il-faċilità, u dan se jwassal biex l-importaturi jkunu jistgħu jixtru bil-grossa u b’hekk jassiguraw aktar stabbiltà fil-prezzijiet,” sostna l-Ministru Silvio Schembri.

Din hija waħda minn sensiela ta’ miżuri li qiegħed jieħu l-gvern biex inaqqas l-impatt li l-gwerra fl-Ukrajna qed tħalli fuq il-prezzijiet ta’ numru ta’ prodotti.

Sport