Il-midja tal-istat tal-Korea ta’ Fuq alleagt li l-virus tal-Covid-19 daħal f’dan il-pajjiż wara li ċittadini messew “oġġetti aljeni” li kienu viċin il-fruntiera mal-Korea t’Isfel. Fid-dawl ta’ dan, iċ-ċittadini tal-pajjiż qed ikunu mħeġġa biex ikunu viġilanti għal oġġetti li jkunu ġejjin min-naħa l-oħra tal-fruntiera u li possibbilment ikunu nġarrew bir-riħ. Wisq probabbli l-Korea ta’ Fuq kienet qiegħda tirreferi għall-fatt li għal snin sħaħ attivisti mill-Korea t’Isfel tajru bżieżaq kbar lejn il-Korea ta’ Fuq u dawn ġieli jkunu mgħobbija b’fuljetti ta’ propaganda jew inkella b’għajnuna umanitarja. Min-naħa tagħha l-Korea t’Isfel qalet li “mhux possibbli” li l-virus tal-Covid-19 seta’ qasam il-fruntiera b’dan il-mod.
Skont il-midja tal-istat ta’ Pyongyang, l-investigazzjoni uffiċjali dwar l-oriġini tal-virus fil-pajjiż sabet li kollox żviluppa wara li żewġ persuni sfaw infettati meta ġew f’kuntatt ma’ oġġetti mhux idenfitikati qrib ħafna tal-fruntiera mal-Korea t’Isfel. Hu mifhum li suldat ta’ 18-il sena u tifel ta’ ħames snin kienu ttestjaw pożittiv għall-virus f’April li għadda wara li sabu oġġetti fuq l-għolja ta’ Ipho-ri. Il-Korea ta’ Fuq qalet li minn dakinhar ’il hawn il-virus infirex b’ħeffa kbira fil-pajjiż.