Saturday, October 26, 2024

Il-Korp tal-Pulizija huwa l-preżenza tal-valuri tas-soċjetà

L-Arċisqof Charles Scicluna waqt l-omelija tal-quddiesa li saret fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fl-okkażjoni ta’ Jum il-Pulizija

Aqra wkoll

Fl-omelija li għamel l-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Charles Jude Scicluna, fisser il-missjoni tal-Korp tal-Pulizija bħala l-preżenza tal-valuri tas-soċjetà anki fl-iktar mumenti diffiċli u dan biex kulħadd jgħix fis-sikurezza u r-rispett lejn xulxin.

Monsinjur Arċisqof, li kien qed iqaddes fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fl-okkażjoni ta’ Jum il-Pulizija qal li x-xogħol tal-pulizija huwa wieħed diffiċli u sostna li nkunu boloh jekk naħsbu li l-missjoni tal-pulizija xi darba se teħfief u ssir faċli.

Membri tal-Korp preżenti għall-quddiesa

Waqt li stqarr li l-missjoni tal-Korp tal-Pulizija hija li ċittadini jgħixu fis-serħan tal-moħħ u s-sigurtà, enfasizza illi minħabba n-nuqqas ta’ dover ta’ xi wħud jasal biex jittebba’ l-isem tal-Korp kollu.

Qal li “Dan jiġri lil ħafna minħabba l-ftit. Dan jiġri f’kull qasam, f’kull professjoni u f’kull missjoni fid-dinja. Għalhekk irridu niġġeddu biex nagħmlu aħjar”.

Sostna wkoll li l-motto tal-Korp tal-Pulizija huwa fih innifsu programm impenjattiv, għalhekk il-battalja għall-verità, għas-sewwa, għall-ġustizzja u għall-ordni mhijiex battalja biss fuq ordni materjali u soċjali imma wkoll waħda spiritwali. 

“Din hija battalja biex l-umanità tghix skont is-sewwa għax l-għadu mhuwiex biss materjali u fiżiku imma wkoll spiritwali”.

L-E.T. Dr George Vella, il-Prim Imħallef Dr Mark Chetcuti u l-Ministru tal-Intern Dr Byron Camilleri

Għall-quddiesa solenni attenda l-President tar-Repubblika l-E.T. Dr George Vella, il-Ministru tal-Intern Dr Byron Camilleri, il-Prim Imħallef Dr Mark Chetcuti u bosta membri tal-Korp Diplomatiku kif ukoll uffiċjali u membri tal-Korp tal-Pulizija.

Uffiċjali tal-POU-GWU preżenti għall-quddiesa

Sport